Lokali

Siġra quddiem il-Barrakka ta’ Fuq li salvat il-gwerra tinqata’ fil-ħemda tal-lejl

Episodju li seħħ bil-moħbi fil-ħemda tal-lejl qed iqajjem rabja kbira hekk kif siġra tal-ballut xiħa li ilha snin twal tikber quddiem il-Barrakka ta’ Fuq inqatgħet minn persuna jew persuni mhux magħrufa.

Fuq Facebook, l-ambjentalist Edward Said tella’ sensiela ta’ ritratti li jixhdu kif din l-istess siġra kien ilha mħawla fil-post sa minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, salvat mill-bumbardamenti iżda mhux mill-aġir ta’ dawk li qerduha fl-aħħar sigħat.

Fid-dawl ta’ dan kienu diversi l-persuni li talbu spjegazzjoni lill-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera, li min-naħa tiegħu talab spjegazzjoni mingħand l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi. Diversi persuni bagħtu wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

S’issa mhux magħruf min wettaq dan l-att jew għaliex, għalkemm hemm spekulazzjoni kbira. Madankollu persuni li tkellmu ma’ Net News spjegawlna li jista’ jkun li dan seħħ minħabba li s-siġra kellha diversi qsim fiz-zokk tagħha u setgħet kienet ta’ periklu.

Dan hu t-tieni każ fi ftit jiem fejn siġra nqatgħet b’mod misterjuż wara li fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema kellu joħroġ appell biex jiskopri kif siġra tneħħiet mill-Ferries bla ma ħadd induna.

Appell biex jinstab min qaċċat din is-siġra f’Tas-Sliema