Internazzjonali

Il-Libja: Qbil dwar elezzjonijiet minkejja l-vjolenza

 

Mexxejja rivali tal-Libja li attendew konferenza dwar il-paċi fi Franza qablu li jsiru elezzjonijiet għall-Parlament u l-Presidenza ta’ pajjiżhom fl-10 ta’ Diċembru.

Il-ftehim intlaħaq minkejja l-vjolenza li qed tifni l-Libja, bil-President Franċiż, Emmanuel Macron jgħid li dan hu pass essenzjali lejn ir-rikonċiljazzjoni. Il-konferenza għall-Paċi fil-Libja saret fil-Palazz Elysee ta’ Pariġi u l-President Macron fisser il-laqgħa bħala waħda storika li kellha l-appoġġ tal-komunità internazzjonali sħiħa.

Intant, konsulent ma’ Fayez al-Serraj, il-Prim Ministru Libjan rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, qal li l-ftehim jinkludi ‘l-irtokki finali għall-Kostituzzjoni Libjana sas-16 ta’ Settembru li ġej’.

Serraj, il-kmandant militari Libjan Khalifa Haftar u l-kapijiet ta’ żewġ assembej parlamentari tal-Libja kienu preżenti għat-taħditiet f’Pariġi, bi stqarrija konġunta tgħid li ‘il-partijiet interessati impenjaw ruħhom għall-bażi kostituzzjonali li tippermetti għall-elezzjonijiet u biex il-liġijiet elettorali neċessarji jkunu adottati sas-16 ta’ Settembru’.

Il-mexxejja rivali tal-Libja huma wkoll ‘determinati li jaħdmu b’mod kostruttiv man-NU biex jirrealizzaw l-elezzjonijet mill-aktar fis u biex dawn isiru fil-paċi’. Huma impenjaw ruħhom ukoll biex jirrispettaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet f’pajjiż li ilu jbati nuqqas ta’ stabbilità mindu, fl-2011, ikkrolla r-reġim tal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi.

Il-konferenza f’Pariġi inkludiet ir-rappreżentanti ta’ diversi pajjiżi, fosthom il-ġirien Afrikani tal-Libja, l-Italja, il-Ġermanja, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda u l-erba’ pajjiżi l-oħra li huma membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.