Lokali

Iċ-ċiklisti jikkritikaw il-proġett ta’ bini ta’ toroq ġodda bejn is-Saqqajja u l-Imrieħel

Għaqda mhux governattiva li tirrappreżenta liċ-ċiklisti, ikkritikat il-proġett ta’ bini ta’ toroq ġodda bejn it-Telgħa tas-Saqqajja, fir-Rabat, u l-bypass tal-Imrieħel.

Il-Bike Advocacy Group, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħ’Attard, f’żona li se tkun parti minn dan il-proġett, iddikjarat li b’dawn il-pjani l-Gvern falla milli jipprovdi infrastruttura sigura u attraenti għaċ-ċiklisti biex jinkoraġixxi alternattivi għall-vetturi privati.

Il-proġett jinkludi medda ta’ toroq ta’ 7.4 kilometri, iżda minn dawn hemm biss żewġ kilometri ta’ korsiji li huma għaċ-ċiklisti u dawn lanqas biss huma konnessi ma’ xulxin, apparti li ma jilħqux standards Ewropej.

Korsiji li lanqas biss huma siguri hekk kif dawn huma dojoq ħafna, u mingħajr l-ebda segregazzjoni fiżika mill-vetturi li jkunu għaddejjin biswithom b’veloċità ta’ sittin kilometru fis-siegħa. Dan seħħ anke minħabba nuqqas ta’ konsultazzjoni serja mal-partijiet konċernati.

Il-voluntiera tal-Bicycle Advocacy Group iddikjaraw li dan il-proġett ma jagħmel xejn biex joħloq soluzzjoni fit-tul biex jitnaqqas it-traffiku, id-dipendenza fuq il-karozzi jew jitnaqqas it-tniġġis, kemm għar-residenti kif ukoll dawk li se jagħmlu użu minn dawn it-toroq.

Il-Bike Advocacy Group innota li dan il-proġett, flimkien ma’ oħrajn, jixhdu biss opportunitajiet mitlufa biex f’pajjiżna tinġieb il-bidla – proġetti nieqsa minn infrastruttura għaċ-ċiklisti li qed jiġu mwarrba biex jiġu akkomodati l-vetturi privati f’miżuri ta’ soluzzjoni ta’ malajr.

Din l-istqarrija tkompli torbot fuq rapport tal-Kummissjoni Ewropea li jixhed kif it-traffiku f’pajjiżna qed iħalli impatt negattiv fuq is-saħħa tal-poplu Malti u l-kwalità tal-arja waqt li l-istrateġiji attwali tal-Gvern mhux jilħqu l-miri għat-tnaqqis tal-effett serra minħabba tniġġis ġej mit-trasport.

Proposti li fi kliem l-istess Bike Advocacy Group imorru kontra l-politika tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Gvern, li f’diversi rapporti jindikaw li hemm bżonn ta’ bidla u ħolqien ta’ qafas sostenibbli.

Fost oħrajn, il-Gvern qed imur kontra ftehim li ffirma hu stess, jiġifieri l-Valletta Declaration for Road Safety ffirmat minn kull Ministru tat-Trasport tal-Unjoni Ewropea fl-2017, kif ukoll kontra t-Transport Masterplan 2025.

Għadha ma ddaħħlitx fis-seħħ lanqas l-Istrateġija Nazzjonali taċ-Ċikliżmu, li kienet imwegħda s-sena li għaddiet. Hawn il-Bicycle Advocacy Group juri tħassib għan-nuqqas ta’ rieda politika u jinnota kif dan imur kontra kull inizjattiva li qed tiġi implimentata f’pajjiżi oħra Ewropej u madwar id-dinja.

Dan kollu minkejja li fl-aħħar xhur u snin ġiet innotata żieda fiċ-ċiklisti, b’persuni li qed jużaw roti elettriċi magħrufa bħala pedelec qed jivvjaġġaw bejn ir-Rabat u l-Belt f’temp ta’ 25 minuta jew bejn Ħ’Attard u l-Belt fi 18-il minuta. Madankollu dawn mhux jiġu offruti vjaġġ sigur minħabba nuqqas ta’ infrastruttura għalihom.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-membri tal-Bike Advocacy Group iddikjaraw li filwaqt li jilqgħu t-tisħiħ tall-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, hemm bżonn ta’ approċċ ħolistiku biex jiġu ntegrati l-bżonnijiet ta’ kull min juża t-triq, tingħata priorità lil dawk l-iktar vulnerabbli u dawk li qed jużaw l-iktar metodi effiċjenti.

Il-Bike Advocacy Group appella lill-Gvern biex jiddiżinja t-toroq għan-nies, u mhux jippromwovi u jagħti priorità għal żieda ta’ iktar vetturi waqt li se jippreżenta proposta ta’ 30 kilometru ta’ korsiji u faċilitajiet għaċ-ċiklisti bl-iskop li jingħaqdu flimkien seba’ lokalitajiet.