Lokali Parlament

L-inġustizzji għandhom ikunu indirizzati

– Ryan Callus, PN

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-Awtorità tal-Artijiet, id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus insista li l-inġustizzji li nħolqu tul is-snin fil-konfront tal-poplu għandhom ikunu indirizzati.

Hu qal li r-Rapport Annwali tal-Awtorità ma kinx preżentat lill-Bord fil-fatt ingħatalna meta kien printjat u lest. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jgħid li dan ir-rapport ġie approvat mill-Bord. Hu sostna li hemm konferma li l-progett tal-LEMIS ma kienx ħela ta’ flus, għax kieku kien jiġi skartat

Proġett ieħor kien it-tagging tal-files bl-intenzjoni li tiżdied is-sigurtà li kien mistenni jiswa mijiet ta’ eluf ta’ ewros. Ma jagħmilx sens titteggja l-qoxra ta’ barra għaliex x’sigurtà hi jekk kulħadd jista’ xorta jisraq karta minn ġol-file li ma tkunx itteggjata.

Żewg domandi parlamentari lil Ministru biex jinforma lill-Kamra kemm-il ħaddiem iddaħħal mal-Awtorità mid-distrett tieghu. Fl-ewwel risposta tani kemm hemm ħaddiema jahdmu fl-Awtorità u t-tieni risposta ma kellha x’taqsam xejn mad-domanda. Dawn m’humiex affarijiet privati iżda pubbliċi; għandu obbligu jwieġeb għax il-pagi jitħallsu mit-taxxi tal-poplu

Dwar is-sejħa Chief Financial Officer hu qal li l-Awtorità ilha xhur titrateni l-ingaġġ ta’ dan l-ufiċċjal importanti. Kienet ġiet ingaġġata persuna fil-post iħda minħabba raguni jew oħra irriżenjat wara ftit. Kien hemm tkaxkir tas-saqajn biex tinħareġ is-sejħa. Hu inaċċettabbli li Awtorità bi tranżazzjonijiet ta’ miljuni ta’ ewros li sena wara għadha ma ingaġġatx CFO. Dan meta ddaħħlu kull tip ta’ impjegati. Jekk qajjimt dan il-punt mill-inqas ħames darbiet fil-Bord huwa ftit. A scandal waiting to happen, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Dwar l-għażla ta’ chief audit officer, Ryan Callus qal li ma qabilx mal-għażla li saret minħabba l-fatt li l-persuna hija sindku f’isem partit fil-Gvern. Qatt ma setgħet tkun persuna indipendenti mill-Gvern tal-ġurnata meta fl-istess hin hija nvoluta politikament.

Xtaqna fid-dibattitu tal-liġi tal-Awtorità tal-Artijiet li l-persuna ma jkunx parti mill-Awtorità iżda jaqa’ taħt l-Awditur Ġenerali biex nassiguraw l-indipendenza. Mhux talli hekk, talli l-għażla imbagħad waqgħet fuq persuna politika

Dwar l-għażla tas-CEO Ryan Callus qal li din hi l-aħbar tal-gurnata. Daħka fil-wiċċ. Il-Ministru joħroġ stqarrija lanqas ġimgħatejn ilu jgħid li se jibda l-proċess tal-għażla. Illum il-Maltatoday tħabbar li se jkun James Piscopo, is-CEO ta’ Transport Malta u ex-CEO tal-Partit Laburista. Dan hu daħk fil-wiċċ.

Deju vu tal-għażla tal-Kap Eżekuttiv uxxenti. Hu żball li ntagħżel persuna minn barra meta kien hemm persuna b’esperjenza vasta u mhux neċessarjament jaqblu mal-fehma politika tal-PN iżda minkejja dan huma nies kompetenti bħal Peter Mamo Acting CEO.

Ministru għandek ċans turi sinjal ta’ fiduċja fil-ħaddiema li għandhom għexieren ta’ snin ta’ esperjenza fid-Dipartiment tal-Artijiet. Agħti sinjal li temmen fihom billi taħtar wieħed minnhom. Dan wassal biex telqu numru ta’ ħaddiema, fosthom avukati u oħrajn minħabba l-inġustizzji li saru fil-proċess qarrieqi mit-trasferiment tad-Dipartiment għal Awtorità tal-Artijiet. Meta seħħew dawn l-inġustizzji kont voċiferu fil-Bord tal-Awtorità, sostna Ryan Callus.

Hu sellem lill-ħaddiema tal-Awtorità tal-Artijiet li wara l-iskandlu ta’ Gaffarena, ħadu xi ftit tar-ruħ; skandlu li heżżeż dak li kien id-Dipartiment tal-Artijiet u tefa’ dell ikrah, inġust fuq il-ħaddiema, li l-maġġoranza jagħmlu ħilithom biex ikunu ta’ servizz.

X’sar minnha l-iskema tat-trasferiment tal-qbiela bejn l-aħwa u favur bdiewa żgħażagħ godda – proposta li kienet fil-manifest taż-żewġ partiti?

Bħala rappreżentant tal-Oppożizzjoni, minkejja numru ta’ okkażjonijiet fejn ma naqbilx mad-deċiżjoni tal-Bord, nirrikonoxxi l-fatt li l-Imħallef Lino Farrugia Sacco jagħtini l-ispazju nesprimi l-opinjoni, kif għandu jkun – u kif jista’ jixhed il-Bord stess, fil-Kamra hawn l-id-deputat Laburista Alex Muscat ir-rappreżentant tal-Prim Ministru; għamilt l-almu tiegħu biex il-backlog kbir li hemm jitnaqqas għal-livelli aċċettabli. L-Awtorità madankollu fadlilha ħafna x’taqdef biex is-servizz ikun wieħed iktar spedit u effettiv.

Ryan Callus qal li l-profitti tal-Awtorità ma jmorrux fil-fond konsolidat, li kompla li €6 miljuni fis-sena għall-espropriji huma ftit wisq. L-Awtorità hi żvantaġġjata meta kkomparata ma’ Awtoritajiet oħrajn – fejn kontinwament tagħti l-artijiet tagħha lill-Ministeri u Awtoritajiet fosthom Awtorità tal-Housing u SportsMalta – kif għandu jkun, mingħajr ma ddaħħal introjtu. Awtorità li tiekol biss mill-budget assenjat lilha għall-espropriji
Il-bord se jasal u diġà wasal, f’pożizzjoni li jkun approva l-ħlasijiet pendenti għall-espropriji iżda peress li ma jkunx hemm baġit, l-inġustizzja tkompli tirrenja. Nies li ilhom snin jistennew li jitħallsu ta’ ħwejjiġhom, uħud mietu.

Naf li minix waħdi fil-bord li nemmen li d-dħul minn bejgħ ta’ propjetà tal-Gvern għandu jibqa’ għand l-Awtorità sakemm l-inġustizzji li hemm jiġi ndirizzati. Din kienet wegħda tal-PN fl-aħħar elezzjoni – nittama li l-Ministru tal-Finanzi, jew il-Prim Ministru jisma’. Il-PL għandu iktar responsabbiltà fuq spalltu jindirizza din l-inġustizzja għaliex il-maġġoranza tal-artijiet ittieħdu taħt gvernijiet Laburisti passati fejn il-Ministru kien jaqbad u jaħtaf mingħand wieħed biex itih lill-ieħor.