Lokali

Roderick Galdes ma jiċħadx li Ali Sadr ried jidħol fis-settur tal-kostruzzjoni

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ma ċaħadx l-istqarrija li għamel id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-Parlament li ċ-Chairman tal-bank Pilatus Ali Sadr waqqaf kumpanija tal-kostruzzjoni bl-iskop li jidħol fis-settur lokali.

Dokument uffiċjali mir-reġistru tal-kumpaniji fl-MFSA jikkonferma kif f’Jannar tal-2014, Ali Sadr waqqaf kumpanija f’Malta bl-isem ta’ Malta International Construction Company bil-għan li jidħol fil-bini ta’ housing soċjali. Dan kollu sar fl-istess żmien li l-bank Pilatus ingħata l-liċenzja biex jaħdem f’Malta.

Il-Partit Nazzjonalista ddikjara li minflok jiddefendi lil Ali Sadr, in-nies kienu qed jistennew li Galdes jispjega kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma bena l-ebda post tal-housing soċjali meta diġà jinsab fit-tieni leġiżlatura. Dan meta Ali Sadr ġie arrestat fl-Istati Uniti u jinsab akkużat b’reati serji fejn jista’ jeħel 125 sena priġunerija.