Internazzjonali

Ġlied qalil f’Derna

Kien hemm eskalazzjoni tal-ġlied f’Derna b’bumbardamenti mill-ajru u mill-art. Dan hekk kif din il-belt ta’ 125,000 persuna spiċċat iżolata u hemm skarzezza ta’ ikel, ilma u mediċini. Dan peress li ebda għajnuna umanitarja ma tħalliet tidħol fil-belt minn Marzu.
Is-sorsi qalu li l-ġlied li hemm hu bla preċedent tant hu qalil. Derna tinsab taħt il-kontroll tal-militanti Iżlamiċi.
Truppi tal-Armata Nazzjonali Libjana (LNA), taħt il-kmand ta’ Khalifa Haftar, ilhom madwar Derna minn Lulju tas-sena li għaddiet. U din hi l-unika belt ewlenija fil-Lvant tal-Libja li mhix taħt il-kontroll tal-forzi tiegħu.
Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti qal li l-ġellieda tal-LNA kienu qed jikkontrollaw id-dħul fil-Lvant u l-Punent ta’ Derna u kienu daħlu fiz-zona industrijali tal-belt.
S’issa l-ġlied kien limitat għal xi attakk mill-ajru mill-forzi ta’ Haftar u xi bumbardamenti mill-art. Imma mit-22 ta’ Mejju, id-doża tal-attakki żdiedet. L-Eġittu, li jappoġġja lil-LNA, jidher li wkoll wettaq attakki mill-ajru f’dawn l-aħħar ġranet.