Lokali

AĠĠORNATA: Dewmien fit-tiswijiet jikkanċellaw 5 titjiriet tal-Air Malta

Minħabba "restrizzjonijiet ta' operazzjoni"

Tħassru aktar titjiriet tal-Air Malta skedati għal dawn il-jumejn.

F’avviż ippubblikat fuq is-sit elettroniku, l-Air Malta qalet li minħabba ‘restrizzjonijiet ta’ operazzjoni’ kien se jkollha tħassar xi titjiriet. Dan hekk kif kull ajruplan ġdid mikri ġie b’xi problema teknika, liema problemi għadhom ma qatgħu xejn minn meta waslu Malta. Dan il-fatt ammettieh il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Paul Sies, f’korrispondenza interna mal-ħaddiema li turi kif it-tiswijiet fuq ajruplan li għadu kif inkera flimkien mas-servizzi anċillari ta’ miegħu ma tlestewx fil-ħin skedat. B’hekk l-AirMalta tħalliet lampa stampa mingħajr ajruplan u kienet kostretta tikkanċella dawn it-titjiriet għad-detriment tal-passiġġiera.

It-titjira KM117 tal-lum minn Gatwick (Londra) għal Malta tħassret – għalkemm ma kienx hemm tibdil fit-titjiriet skedati minn Malta lejn Gatwick. Din tfisser problema għall-Maltin jew it-turisti li minn Gatwick kienu se jaqbdu ajruplan tal-Air Malta biex jiġu pajjiżna.

Ġew ikkanċellati wkoll titjiriet skedati għal għada 3 ta’ Ġunju. L-Air Malta qalet li kellha tħassar kemm it-titjira KM612 minn Malta għal Ruma kif ukoll it-titjira KM613 minn Ruma għal Malta.

Tħassret ukoll it-titjira KM662 minn Malta għal Palermo u t-titjira KM663 minn Palermo għal Malta – li kienu skedati għal għada.

F’kumment ma’ NET News, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Robert Arrigo, qal li għadu mhux magħruf kemm qed jiswew dawn l-ajruplani mikrija lill-Air Malta minħabba l-kunfidenzjalità tal-kuntratti. L-oppożizzjoni uriet kawtela kbira dwar il-qagħda u l-kritika saret b’ċertu responsabbiltà. Fid-dawl tal-fatt li din is-sitwazzjoni qiegħda tippersisti kull ġimgħa, Arrigo qal li l-linja tal-ajru mhix issib soluzzjonijiet fit-tul għall-problema u dan qiegħed jikkawża tħarbit fl-iskedi għat-turisti li jiġu u għall-Maltin li jsiefru kull ġimgħa.

L-oppożizzjoni tippretendi li jekk l-Air Malta qiegħda tħallas flus kbar għal dawn l-ajruplani mikrija, dawn għandhom ikunu attrezzati, iċċekkjati regolarment u li tingħata rimedju mmeddjat għal kwalunkwe ħsarat li l-ajruplani jġarrbu. Arrigo temm b’appell lill-Air Malta sabiex torganizza lilha nnifisha aħjar u tkun imħejjija sew għas-sajf li ġej mingħajr skossi minn ġimgħa għall-ġimgħa.

Filwaqt li l-Air Malta skużat ruħha mal-pubbliku, fl-avviż ippubblikat qalet li se tkun qed toffri arranġamenti alternattivi għall-passiġġieri milquta.