Futbol Sport

FUTBOL : Imam mill-Kuwajt jgħid li Salah kien ikkastigat minn Allah

Salah weġġa’ fil-finali taċ-Champions League u kellu jkun mibdul

Skont Imam mill-Kuwajt, l-injury li sofra l-plejer Eġizzjan ta’ Liverpool, Mohamed Salah, fil-finali taċ-Champions League, kien kastig mingħand Allah wara li dan naqas milli josserva r-Ramadan’.

Ir-Ramadan, għall-Musulmani hu perjodu ta’ xahar fejn matulu dawn jieklu u jixorbu biss wara nżul ix-xemx. Madankollu Salah ma osservawx dawn ir-regoli matul dak il-jum biex b’hekk seta’ jkun fl-aħjar kundizzjoni fiżika biex jilgħab il-partita.

Salah spiċċa weġġa’ spalltu u kellu jkun mibdul wara biss nofs siegħa logħob wara li kien involut f’daħla mal-captain ta’ Real Madrid Sergio Ramos. Salah issa jinsab ukoll f’tellieqa kontra l-ħin biex jirkupra għat-Tazza tad-Dinja u skont it-tobba dan se jdum madwar tliet ġimgħat barra biex b’hekk se jitlef l-ewwel żewġ partiti tal-Eġittu fil-fażi tal-gruppi.

Skont l-Imam mill-Kuwajt, Mubarak al-Bathali, Allah ikkastiga lil Salah għax logħba futbol m’hijiex skuża biżżejjed biex wieħed jinterrompi s-sawm tiegħu. Ta’ min jinnota li l-Musulmani għandhom permess jinterrompu s-sawm jekk kemm-il darba jkunu se jivjaġġaw, bħal ma fil-fatt għamel Salah biex mar l-Ukrajna fejn hemm intlagħbet il-partita imma skont l-Imam l-iżball ta’ Salah hu li ma baqax isum biex jilgħab il-futbol u mhux biss biex jivjaġġa.

“Il-ħajja hi f’idejn Allah u kollox jiġri skont dak li jiddeċiedi hu. Salah ingħata sinjal importanti u minkejja li jaf iħossu sfortunat li weġġa’, jaf l-injury li sofra kienet waħda importanti għalih biex tiftaħlu għajnejh,” qal Mubarak al-Bathali.

Dan tal-aħħar madankollu temm billi qal li jaf li Salah hu persuna tajba u ambaxxatur tal-Musulmani grazzi għal dak li kiseb permezz tal-isport u għad hemm tama li dan jitgħallem mill-iżball li wettaq.

Ta’ min jiftakar li b’rabta ma’ dan il-każ, avukat Eġizzjan qal li se jiftaħ kawża legali ta’ biljun ewro għad-danni fil-konfront tad-difensur Sergio Ramos. Barra minn hekk, rapporti fil-midja Spanjola żvelat li Ramos kellu jibdel in-numru tad-dar minħabba theddid kontinwu mingħand ħafna Eġizzjani.