Lokali

Żewġ persuni jweġġgħu wara li nqelbu bil-karozza fil-Marsa

Raġel u mara mill-Imsida weġġgħu wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku fil-Marsa.

Għall-ħabta tan-12.25am, iż-żewġ persuni kienu għaddejjin minn Triq Aldo Moro bil-karozza tat-tip Toyota Vitz, misjuqa mir-raġel ta’ 56 sena.

Għal xi raġuni, hu tilef il-kontroll tal-vettura u nqeleb. Il-mara, ta’ 54 sena, kienet passiġġiera fil-karozza.

Fil-post issejħu l-Pulizija u tim mediku b’Ambulanza, filwaqt li membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għenu biex iż-żewġ persuni nħarġu mill-karozza.

Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi, filwaqt li l-mara qed issofri minn feriti ħfief.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.