Lokali

Inawgurat ġnien ġdid fil-Gudja fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ

Disa’ snin ilu, il-Kunsill Lokali tal-Gudja kien wieħed minn tal-bidu li għaraf il-potenzjal taż-żgħażagħ bit-twaqqif tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ, fuq inizjattiva tal-kunsillier Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.

Dan il-proġett ħalla l-frott, u fl-aħħar jiem il-lokalità kompliet taħsad il-benefiċċji ta’ din l-inizjattiva hekk kif il-grupp ta’ żgħażagħ li jiffurmaw il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ taw ġnien ġdid lill-komunità tagħhom.

Għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-ġnien, f’isem l-Oppożizzjoni attenda wkoll il-Kelliem Ryan Callus, li fost oħrajn hu responsabbli miż-żgħażagħ. Fid-diskors tiegħu hu qal li dan il-proġett jikkonferma li l-għażla li jingħata l-vot ta’ 16-il sena kienet waħda tajba.

Fakkar kif sfortunatament dan l-aħħar smajna kritika lejn iż-żgħażagħ minħabba stejjer ta’ kronaka fejn allegatament kien hemm żgħażagħ involuti. Iżda nnota kif dawn iż-żgħażagħ Gudjani mill-banda l-oħra taw eżempju li mhux biss għandhom rispett lejn l-awtoritajiet, iżda rnexxielhom ibiddlu spazju mitluq fi spazju miftuħ.

Fil-Gudja, il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ illum-il ġurnata sar eżempju għal-lokalitajiet oħra hekk kif dawn iż-żgħażagħ qed jagħtu daqqa t’id u jikkollaboraw b’mod effettiv mal-Kunsill Lokali.

L-inizjattiva li jsir dan il-ġnien hi biss waħda mill-inizjattivi li ttieħdu riċentament mill-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ tal-Gudja. Riċentament, f’Jum San Valentino, huma ħarġu wkoll bl-idea li jqassmu rigali lill-anzjani li jgħixu waħidhom fil-lokalità.