Lokali Qorti

Keith Schembri jevita li jwieġeb domandi dwar 17 Black; il-kawża posposta għal Ottubru

Iċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, deher fil-Qorti illum biex jitlob illi ma jwieġeb l-ebda mistoqsija dwar l-iskandlu 17 Black. Schembri irid illi ma jitkellimx sakemm l-inkjesti Maġisterjali l-oħra jkunu konklużi. dan kollu għamlu permezz tal-avukat tiegħu, Edward Gatt.

Il-Maġistrat Francesco Depasquele qal li għandu bżonn aktar ħin biex janalizza din it-talba, u għalhekk il-kawża ġiet posposta għal wara s-Sajf.

F’kumment fuq Facebook, id-deputat Simon Busuttil qal illi Keith Schembri qed isib skuża wara l-oħra biex ma jweġibx domandi dwar il-Panama Papers u 17 Black. “Ilu minn Ottubru jaħrab il-mistoqsijiet tiegħi”, sostna Simon Busuttil.

Fil-21 ta’ Mejju li għadda, il-Qorti kienet laqgħet it-talba biex l-iskandlu 17 Black u l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus ikunu investigati.

It-talba għal investigazzjoni kienet saret wara dettalji ġodda li ħarġu minn The Daphne Project, u l-emails (ritratti) li ġew ippubblikati mit-Times of Malta.

Skont dawn l-aħħar emails, il-ġurnalisti ta’ The Daphne Project qed jallegaw illi kien hemm mal-$1.6 miljun illi kienu destinati għal 17 Black – kumpanija deskritta bħala “target client” għal Hearnville u Tillgate ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Skont l-istess investigazzjoni ġurnalistika, il-flus kienu ġejjin minn commissions relatati mal-kuntratt tat-tanker tal-gass.