Lokali

Safar Chris Cardona – irċevuti importanti ġew mitlufa jew ma nstabux

L-ufficju Nazzjonali tal-Verifika ma setax jistabbilixxi għal xhiex saru numru ta’ spejjeż mill-Ministru Chris Cardon waqt li kien barra mill-pajjiż waħdu u dan għaliex irċevuti importanti ġew mitlufa jew ma nstabux.

The Sunday Times kompliet tinvestiga s-safar tal-Ministru Chris Cardona hekk kif ħareġ b’mod  ċar li awditjar li sar mill-uffiċju tal-verifika ma setax isir kif suppost minħabba nuqqas ta’ dawn l-irċevuti.

Il-ġimgħa li għaddiet kien żvelat li l-Ministru Chris Cardona għamel sensiela ta’ safriet suppost fuq xogħol waħdu xi ħaġa li tmur kontra kull protokol. Issa ħareġ li l-flus li Cardona nefaq mit-taxxi tal-poplu ma nistgħux inkunu nafu f’hiex intefqu.

L-NAO iffoka fuq żewġ safriet li l-Ministru Cardona ma kienx akkumpanjat minn xi impjegat tal-Gvern jew tas-Segretarjat tiegħu.

F’każ minnhom Chris Cardona mar waħdu fl-istat ta’ Monaco u dan fi tmiem il-ġimgħa u kien talab għal biex jitħallas is-somma ta’ 2,000 ewro għal spejjeż li ħareġ hu fil-lukanda, lukanda li kienet diġa tħallset minn qabel għall-prezz ta’ €2,666-il lejl.

Madankollu l-NAO ma setax jagħmel il-verifiki neċessarji hekk kif l-invoice ma kienetx preżentata b’mod sħiħ u għalhekk ma setax isir jaf f’hiex intefqu dawn l-elfejn ewro extra f’Monaco.

Sar ukoll l-awditjar ta’ vjaġġ li l-Ministru Chris Cardona għamel lejn l-Ukrajna fejn jirriżulta li minn żball li sar il-Ministru ingħata kumpens ta’ €327 meta fil-fatt il-Ministru kellu suppost iħallas €863 lura lill-Ministeru.

F’dan il-każ kien ukoll innutat li l-biljetti tal-ajru inxtraw tliet ijiem qabel ma’ ingħata l-permess mis-Segretarju Permanenti biex ikunu jistgħu jinxtraw.

Minkejja dak kollu li kien żvelat Chris Cardona naqas milli jagħti d-dettalji fuq dawn il-vjaġġi waħdu tant hu hekk li mistoqsi wkoll minn the times kemm hu kif ukoll il-Prim Ministru naqsu milli jwieġbu.

Il-Prim Ministru naqas li jwieġeb jekk kienx ta l-permess meħtieġ lil Chris Cardona biex jagħmel dan is-safar. Jekk jikkonfermax jekk Chris Cardona mexiex mal-proċeduri kollha, jew jekk sarux rapporti neċessarji dwar dan is-safar  u jekk il-Prim Minsitru hux komdu jħalli ministri tiegħu isiefru fuq xogħol weħidhom mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn xi ħadd… mistoqsijiet li iżda baqgħu mhux imwieġba.