Lokali

Ħadd ma weġġa’ wara li karozza ħadet in-nar fil-Gżira u vann qabad f’Pembroke

Fortunatament ħadd ma weġġa’ meta vettura tat-tip Range Rover inqerdet minn nar li ħakimha kmieni l-Erbgħa filgħodu.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-05:15 meta l-karozza kienet max-Xatt ta’ Ta’ Xbiex. Immedjatament fuq il-post issejħu vetturi tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw is-sitwazzjoni u neħħew kull periklu.

Dwar dan il-każ inħatret inkjesta li qed titmexxa’ mill-Maġistrat Neville Camilleri.

Sadattant il-membri tal-Protezzjoni Ċivili kienu nvoluti f’ħidma oħra simili, din id-darba fi Triq il-Professur Ganado, f’Pembroke.

Jirriżulta li kien għall-ħabta tal-ħdax u għoxrin tat-Tlieta filgħaxija li vann li kien qed jinstaq matul din it-triq qabad. Fil-post inħolqot konfużjoni tat-traffiku iżda fortunatament hawn ukoll ma kienx hemm vittmi.

Dwar dan il-każ ma nħatritx inkjesta hekk kif ġie stabbilit li l-kawżi tal-inċident kienu aċċidentali.