Lokali

Iż-żgħażagħ, it-tfal u l-empowerment tan-nisa fuq l-aġenda ta’ bosta laqgħat bilaterali tal-President Coleiro Preca ġewwa Brussell

Hekk kif il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tinsab fi Brussell, hi kellha diversi laqgħat bilaterali, fosthom mal-President tar-Rwanda u Chairperson tal-Unjoni Afrikana (African Union) Paul Kagame.

Maċ-Chairman tal-Unjoni Afrikana, il-President iddiskutiet inizjattivi dwar kif nistgħu nilqgħu għall-fenomenu tal-immigrazzjoni tat-tfal, bil-għan li dawn jingħataw il-protezzjoni, biex ma jiġux traffikati. Il-President tar-Rwanda u l-President ta’ Malta ddiskutew ukoll, il-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-President ltaqgħet ukoll mad-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, is-Sinjura Amina J Mohammed, fejn ġew diskussi diversi proġetti dwar l-empowerment tan-nisa madwar id-dinja, anki fil-kuntest tal-Mediterran.

Laqgħa oħra kienet mad-Direttur Ġenerali tal-UNIDO (United Nations Industrial Development Organisation), is-Sur Li Yong, fejn ġew diskussi għadd ta’ proġetti ta’ żvilupp fil-kontinent tal-Afrika u fir-reġjun tal-Mediterran. Dan fil-kuntest ukoll ta’ involviment akbar tas-settur privat, biex tkun mħeġġa aktar parteċipazzjoni permezz ta’corporate social responsibility, fl-aħjar interess ta’ komunitajiet fqar u vulnerabbli.

Il-President Coleiro Preca, iltaqgħet ukoll mal-Viċi-President tal-European Youth Forum, Dejan Bojanić, fejn waqt il-laqgħa ġiet diskussa, l-Aġenda taż-Żgħażagħ li qed tkun żviluppata mill-UNICEF u kif qed tkun ikkonsultata maż-żgħażagħ madwar id-dinja. Il-President u s-Sur Dejan tkellmu wkoll fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, fil-kuntest li Malta diġà lleġiżlat favur il-vot sittax.

Waqt laqgħa mal-Kummissarju Christos Stylianides, Kummissarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u Crisis Management, ġew diskussi diversi ħidmiet u inizjattivi li l-Unjoni Ewropea qed tieħu, fosthom dwar proġett dinji dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru (gender-based violence), u inizjattivi oħra umanitarji li qed jittieħdu fir-reġjun tal-Afrika, b’enfażi speċjali dwar l-edukazzjoni tat-tfal, fiż-żoni ta’ kunflitt.

Il-President iltaqgħet ukoll mal-Kap Eżekuttiv ta’ Plan International, Anne-Marie Alberctsen, fondazzjoni li taħdem favur id-drittijiet tat-tfal. Plan International hija organizzazzjoni li għandha rappreżentantza f’75 pajjiż, u ilha mwaqqfa tmenin sena.