Lokali

AĠĠORNATA (2): Sparatura lejn residenza fi tmiem argument fix-Xgħajra

Argument bejn membri tal-istess familja wassal għal sparatura fi Triq il-Fabbriki fix-Xgħajra, limiti ta’ Ħaż-Żabbar. Ħadd ma weġġa’ fl-isparatura, għalkemm wieħed mill-persuni involuti sofra xi feriti kawża tal-argument.

Mill-ewwel investigazzjoni tal-Pulizija jirriżulta li l-argument bejn il-persuni eskala tant li għall-ħaba tal-5.10pm, wieħed minnhom spara tir ta’ twissija u ieħor lejn il-faċċata ta’ residenza propjetà ta’ persuna oħra involuta fl-argument.

Kienu xi residenti fil-qrib li għamlu kuntatt mal-Pulizija wara li nstemgħu l-isparar, bl-ewwel rapporti kienu jgħidu li l-isparar kienu biss ta’ twissija. Madankollu, aktar tard irriżulta li l-isparar seħħ kawża tal-argument.

Fil-post waslu madwar ħames karozzi tar-Rapid Intervention Unit, bil-Pulizija arrestaw lir-raġel ferut, li hu barrani u li rrifjuta milli jittieħed l-Isptar għall-kura. Jirriżulta li rrifjuta wkoll kura fil-post mill-istaff mediku li wasal b’Ambulanza, minkejja li deher b’feriti f’idu u f’wiċċu.

Mhux eskluż lanqas li fl-argument kienu nvoluti xi persuni oħra, hekk kif fir-residenza li kienet fil-mira tal-isparar dehru xi persuni, fosthom mara li sofriet minn feriti ħfief. Dawn, flimkien mal-persuna li sparat, kienu avviċinati mill-istaff mediku.

Persuna li tkellmet ma’ NETnews.com.mt qalet li l-persuna feruta aktarx sofriet ukoll gdim f’wiċċu.

Aktar dettalji għadhom qed jaslulna …