Ambjent Lokali

L-ewwel zona għall-għawm taż-żwiemel

Żona f'Marsaxlokk magħżula biex jitniżżlu ż-żwiemel

Zona biswit il-klabb tal-waterpolo ta’ Marsaxlokk intgħażlet biex issir l-ewwel zona fil-gżejjer Malta allokkata biex jgħumu ż-żwiemel fiha.

Issa, is-sidien taż-żwiemel jistgħu jniżżlu ż-żwiemel f’din iż-żona bejn il-5 u t-8 ta’ filgħodu u waranofsinhar bejn it-3 u s-6. Huwa importanti li l-istess sidien jiġbru kwalunkwe ħmieġ li jħallu warajhom f’din iż-żona, li fiha ġie allokat spazju għall-parkeġġ tal-karrijiet.

Dan il-proġett pilota qiegħed isir bejn il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja.

Il-Kunsilliera Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, Janice Chetcuti, kienet preżenti għat-tnedija u tkellmet fuq l-importanza li ż-żwiemel jitniżżlu jgħumu għaliex l-ilma huwa ta’ ġid għalihom, partikolarment għal dawk iż-żwiemel tat-tiġrija.