Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Ronaldo mhux se jirtira minn mal-Portugall jekk jirbaħ it-Tazza tad-Dinja

Cristiano Ronaldo

Il-winger Portugiż Cristiano Ronaldo stqarr li jekk kemm-il darba pajjiżu jirbaħ it-Tazza tad-Dinja hu xorta waħda jibqa’ jilbes il-flokk nazzjonali.

Ronaldo, li għandu 33 sena, rebaħ kull unur fuq livell ta’ klabb u sentejn ilu rebaħ anke l-Kampjonat Ewropew mal-Portugall u l-aħħar tazza li jonqsu jirbaħ hi proprju t-Tazza tad-Dinja.

Hu għalhekk li ħafna huma tal-fehma li jekk il-Portugall, bħal ma għamlu sentejn ilu, jissorprendu lil kulħadd u jirbħu t-Tazza tad-Dinja, Ronaldo jirtira minn mat-tim nazzjonali u jiffoka fuq il-klabb tiegħu.

Madankollu l-eksplejer ta’ Manchester Utd qal li jemmen li għad għandu ħafna x’joffri għall-isport u għal pajjiżu u b’hekk jibqa’ jilgħab man-nazzjonal.

“Li wieħed jirbaħ it-Tazza tad-Dinja huwa l-massimu. M’hemm xejn waqa fil-karriera ta’ plejer li jirbaħ din it-tazza ma’ pajjiżu. Jekk ngħin lill-Portugall jirbħu t-Tazza tad-Dinja tkun l-isbaħ ħolma ta’ ħajti anke minħabba l-fatt li nkun irbaħt dak kollu li hemm x’tirbaħ bħala plejer tal-futbol,” qal Ronaldo.