Internazzjonali

Jidħol fi Sqallija vapur b’900 immigrant

Bastiment tal-Gwardja tal-Kosta Taljana b’900 immigrant abbord, l-Erbgħa daħal fi Sqallija.

Il-vapur, id-Diciotti, kien ġabar dawn l-immigranti barra l-kosta tal-Libja. Il-vapur tħalla jiżbarka l-immigranti peress li kien vapur Taljan fuq missjoni tal-Gvern. Abbord il-vapur kellu 937 immigrant u l-katavri ta’ tnejn li mietu waqt il-vjaġġ.

Sadattant, Matteo Salvini, il-Ministru tal-Intern Taljan, insista li ma kien se jkun hemm ebda bidla fid-deċiżjoni li ebda vapur umanitarju m’hu se jitħalla jidħol fil-portijiet Taljani. Dan hekk kif kompliet tisħon il-qiegħa bejn Franza u l-Italja dwar l-immigrazzjoni.

Sadattant, Horst Seehofer, il-Ministru tal-Intern Ġermaniż, qal li l-Ġermanja jmissha tingħaqad mal-Italja u l-Awstrija f’pożizzjoni komuni fil-konfront tal-immigrazzjoni. Dan waqt laqgħa li kellu mal-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz. Seehofer qal li kien diġà kellem lil Salvini dwar dan u wkoll lill-Awstrija.
Hu qal li dan kien japplika wkoll għat-terroriżmu u kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà u għalhekk kien se jimxi ’l quddiem bil-pjan.