Futbol Sport

L-ewwel plejers barranin ta’ Napoli kienu Maltin

Lucino Ellul ir-raba’ wieħed fil-formazzjoni ta’ Naples FBC fl-1913

Charles Camenzuli

1904. Pizzerija ta’ Guglielmo Matacena f’Via San Severino 43, Napli. Laqgħa bejn il-ħbieb dilettanti tal-futbol fosthom żewġ Ingliżi William Poths u ċertu Hector Bayon flimkien ma’ tliet Naplitani Conforti, Salsi u Catterina. L-għan kien li jingħata bidu għal futbol f’Napli, logħba li kif beda jispjega lin-Naplitani William Poths kienet ilha tintlgħab fl-Ingilterra mill-1847.
Poths kien impjegat mal-aġenzija tal-vapuri Cunard Line li kellha l-uffiċċju tagħha fil-port ta’ Napli. Kien ilu jaħdem hemm mill-1903 u bħala dilettant ma baqax lura milli jkattar it-tradizzjonijiet ta’ pajjiżu u flimkien mal-inġinier Naplitan Emilio Anatra ħadem fuq il-mod kif il-foot-ball seta’ jkun ukoll żviluppat f’Napli.

Matul l-1904, tfassal l-ewwel statut bl-isem tal-ewwel klabb ikun NAPLES FOOTBALL & CRICKET CLUB. Kiber l-interess tant li saru aktar laqgħat din id-darba f’Palazzo Latilla 6 fil-Pignasecca fejn illum hemm Piazza D’Ovidio.

Fl-istess waqt beda jagħti wkoll sehmu wieħed mis-soċji fundaturi l-inginier Ernesto Bruschini u l-aktar plejer b’rabta mal-klabb Michele Scarfoglio, iben Edoardo Scarfoglio u Matilde Serao li kienu l-fundaturi tal-ġurnal “il Mattino.”

Wara li fl-1906 kienet tneħħiet il-kelma ‘cricket’ mill-isem uffiċjali tal-klabb, għall-istaġun 1911-12 il-President ta’ Naples Foot-Ball Club Emilio Anatra kien deċiż li jkollu tim kompetittiv kemm biex jieħu sehem fil-Kampjonat tat-tieni kategorija kif ukoll f’kompetizzjonijiet oħra li f’dak iż-żmien kienu jkunu organizzati b’mod regolari fir-reġjun ta’ Campania.

Anatra kiseb lill-Ingliż Hector John Eastwood, lid-Daniżi Sven Hagen Hansen u Samuel Thorsteinsson kif ukoll żewġ plejers minn Malta. Id-difensur LUCINO HELLUL imwieled fl-1891 u l-attakkant SALVU TROISI imwieled fit-23 ta’ April 1892.

Salvu Troisi

It-tnejn li huma kienu ddistingwew ruħhom fil-Kampjonat Malti fejn għal kuntrarju tal-futbol f’Napli, f’Malta l-futbol kien ilu jkun organizzat fuq bażi nazzjonali mill-1900. Kienu l-aqwa żminijiet għall-futbol Malti fejn Emilio Anatra għaraf il-ħiliet ta’ Hellul u Troisi.

Dak iż-żmien, ir-regolamenti ma kinux iżommu milli plejer jilgħab fl-istess staġun ma’ timijiet differenti fejn f’pajjiżna fl-1911-12 kemm Hellul u Troisi kienu ma’ St. Joseph United F.C tal-Imsida.
Meta qed issir riferenza għal Lucino Hellul, il-kunjom kien Ellul u kien biss fl-Italja li riferenza għalih kienet bħala Hellul. Hemm drabi bejn riferenza għalih kienet bħala Lucini jew Hellu’.

Fil-Kampjonat Malti ta’ dik is-sena, Lucino Ellul kien lagħab partita waħda fil-Malta Cup filwaqt li Salvu Troisi lagħab tliet partiti fl-istess kompetizzjoni fejn skorja wkoll żewġ gowls.

Fatt ieħor uniku li seħħ fl-istess staġun kien li kemm Lucino Ellul kif ukoll Salvu Troisi f’April tal-1912 kienu f’dik meqjusa bħala l-ewwel partita fl-istorja tal-futbol Malti meta Selezzjoni mis-Civilian Football League, magħruf bħala League XI lagħbet kontra l-Infantry Brigade fil-Mile End Sports Ground.

Lura għall-Italja fejn ma’ Naples Foot-Ball Club, Ellul u Troisi wkoll f’April tal-1912 lagħbu fil-finali tal-Lipton Challenge Cup fejn Naples FC tilfu kontra Palermo 5-0. Ta’ konsolazzjoni iżda kienet ir-rebħa fil-Coppa Noli da Costa.

Fis-7 ta’ Marzu tal-1913 f’Agnano, fil-partita ta’ eliminazzjoni Reġjun Campania, Naples FBC għelbu lil Internazionale Napoli 6-0 bi Troisi jiskorja it-tieni u r-raba’ gowl. Fil-formazzjoni mniżżel bħala Troise.

Hawhekk wieħed irid jagħmel riferenza għall-partita tal-24 ta’ Marzu tal-1913 fejn f’Campo Notarbartolo, Palermo għelbu lil Naples 5-0 bid-differenza li għal Palermo lagħbu l-plejers Maltin Ruggieru Friggieri u Tabone filwaqt li Salvu Troisi lagħab għal Naples.

Għall-istagun 1913-14, il-President Emilio Anatra ddeċieda li jkollu żewġ plejers barranin, l-Ingliż Hector John Eastwood u mill-ġdid lil Malti Lucino Hellul.

Kien staġun pożittiv għal Naples Foot-Ball Club fl-Ewwel Kategorija fejn filwaqt li l-istess Lucino Ellul fis-26 ta’ Jannar tal-1914 f’ Terme di Agnano ma lagħbx kontra Internazionale Napoli fil-partita li ntemmet 1-1, kien prominenti fil-partita ta’ ritorn milgħuba fil-Poligamo di Agnano fit-2 ta’ Frar tal-1914 mirbuħa minn Unione Sportiva Internazonale Napoli 2 – 1. Iż-żewġ partiti kienu kkontrollati mir-Referee Torrazzi.

Infatti wara l-ewwel partita Naples Foot-Ball Club wettqu tibdil fil-formazzjoni bid-dħul ta’ Eastwood u Lucino Ellul. Fil-ġurnal ta’ Napli, ‘il Mattino’ tat-3 ta’ Frar 1914 hemm referenza illi: ‘rafforzati da giocatori di un valore indiscusso quali Eastwood e Lucini Hellu.’

Hawnhekk ta’ min jinnota li Lucino Ellul hu mnizzel bħala Lucini Hellu’ tant li fl-istess rapport dettaljat tal-partita hemm hekk: ‘Lucini e alle prese spesse volte con Minter ma il giovane azzurro nonostante il gioco del maltese sia piu che pesante riesce diverse volte a sventare ogni sua efficacia.’
Fi Stadio Ranchibile, Palermo għelbu 5-1 lil Internazionale Napoli u mill-ġdid Friggieri kien fil-formazzjoni ta’ Palermo.

Lucino Ellul baqa’ jkun prominenti ma’ Naples Foot-Ball Club fejn fil-Coppa Noli da Costa fit-13 ta’ April tal-1914 lagħab fir-rebħa ta’ 3-0 kontra Roman u fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Virtus Juventusque Livorno.

Wara dan is-suċċess fl-Italja, Lucino Ellul kompla l-karriera fil-Kampjonat Malti fejn bejn l-1913 u l-1915 lagħab ma’ Ħamrun Spartans fejn apparti ż-żewġ partiti li lagħab fil-Malta Cup, rebaħ ukoll is-Civilian Football League ma’ Ħamrun Spartans fl-1913-14.

L-interess għal futbol f’Napli kiber meta fl-istess waqt fl-1911 nibet klabb ieħor Unione Sportiva Internazionale Napoli. Kien ċertu Hector Bayon u Steinnegger li wara li telqu minn ma’ Naples Foot-Ball Club iddeċidew li jiffurmaw tim ieħor f’Napli.

Id-deċiżjoni kienet waħda li ħolqot pika kbira saħansitra fil-flokkijiet fejn filwaqt li Naples FBC kellhom il-kuluri blu skur u ċelesti, US Internazionale ddeċidew li l-flokk ikun blu skur b’rivolti tal-kmiem bojod.

Il-grawnd għal logħob kien fil-kwartier ta’ Bagnoli fejn kien komdu b’postijiet fejn setgħu joqogħdu l-ispettaturi għal ħlas ta’ 50 ċenteżmu kull partita. Għal US Internazionale ir-rebħa ta’ 3-2 fuq Roman f’Terme di Agnano fis-27 ta’ Ottubru 1912 kienet biżżejjed biex turi l-potenzjal tat-tim.

Jirriżulta li l-interess u l-pika bejn Naples Foot-Ball Club u Unione Sportiva Internazionale Napoli kienet tali li dawn tal-aħħar raw kif isaħħu t-tim. Huwa mifhum illi kien l-istess Lucino Ellul li ħa miegħu Napli plejer Malti ieħor ċertu RAOUL ATTARD li riferenza għalih fil-ġurnali ta’ dak iż-żmien kienet bħala LATTARD.

Jidher li lagħab fl-istaġun 1913-14 fejn kien skorja gowl fit-tliet partiti li kien lagħab. Il-gowl skurjat kien fis-26 ta’ Jannar 1914 fid-draw ta’ 1-1 kontra Naples Foot-Ball Club li kienet il-partita li fiha ma lagħbx Lucino Ellul.

Dwar din il-partita fil-ġurnal ‘il-Mattino’ tas-27 ta’ Jannar 1914 hemm hekk: ‘…….ma non cosi possiamo dire di Lattard che ha perduto ottime occasioni’.

Kif ukoll il-gowl li Raoul Attard skorja f’dik il-partita: ‘…..al trentesimo minuto Lattard riesce a fuggire isolatamente da sparare a pochi metri dal gol Giordano indeciso non para a tempo e come di consueto quando gia il ball e in rete egli cade a plangeon. Il punto viene accolto con entusiasmo indicibile, la squadra azzurra ha gia la sua prima vittoria morale.’

Prominenti wkoll fl-istaġun ta’ wara fejn jispikkaw il-partiti deċiżivi kontra Lazio mill-Kampjonat tar-Regjun ta’ Campania b’telfa ta’ 1-0 f’Ruma l-Ħadd 3 ta’ Mejju tal-1914 u telfa kbira ta’ 8-0 f’Napli f’partita li ntlgħabet fl-10 ta’ Mejju tal-1914. Sena wara fis-16 ta’ Mejju tal-1915, fl-istess Kampjonat US Internazionale Napoli għelbu 3-0 lil Naples FBC.

Raoul Attard baqa’ ma’ US Internazionale Napoli fl-istaġun 1919-20 kif jidher fl-Annuario Football 1919-20 fejn il-klabb immexxi minn Hans Jenni wasal sal-fażi tas-semi finali tal-Kampjonat Taljan – Centro Meridionale.

Attard lagħab kontra Pro Napoli (1-1) fil-11 ta’ Jannar 1920 u kontra Audace (0-2) fil-25 ta’ April 1920. Għall-istaġun 1920-21 laħaq President Emilio Reale li żamm lil Attard li fid-19 ta’ Novembru tal-1920 fl-ewwel ġurnata tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni skorja kontra Bagnolese (3-1).

F’dak l-istaġun Attard flimkien ma’ Giuseppe Cangiullo u Scoppa kienu l-uniċi li lagħbu fi ħdax-il partita.

Il-problemi finanzjarji li ħakmu lil Naples FBC u lil US Internazionale Napoli fi tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija kienu biżżejjed biex iż-żewġ klabbs waslu fi ftehim biex jingħaqdu.

Riżultat ta’ dan fl-1922 twaqqaf il-klabb: Foot-Ball Club InterNaples liema klabb eventwalment fl-1926 sar magħruf bħala Società Sportiva Napoli – kif inhu magħruf sal-lum.