Lokali

FILMAT: Raġel arrestat u ieħor l-isptar wara ġlieda f’Birkirkara

Raġel mill-Mali ġie arrestat filwaqt li raġel mil-Libja kellu jittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura wara ġlieda f’Birkirkara.

L-argument faqqa’ għall-ħabta tad-9.15 ta’ filgħodu fi Triq il-Wied, f’Birkirkara. Għall-ewwel, il-Pulizija kienu nfurmati li l-ġlieda kienet bejn erba’ persuni, iżda aktar tard irriżulta li fil-ġlieda kienu nvoluti żewġ persuni.

Persuni li nzertaw kienu fiż-żona fil-ħin tal-ġlieda, qalu lil NET News li raw lill-Pulizija jkellmu raġel f’sensih mimli demm. Dan hekk kif fuq il-post marru tal-anqas żewġ karozzi b’Pulizija mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit.

Mal-art fuq il-bankina, evidenti wkoll taqtir tad-demm kawża tal-ġlieda li wasslet biex il-Libjan ta’ 36 sena minn San Pawl il-Baħar kellu jittieħed l-isptar Għall-kura. Ir-raġel mill-Mali, li għandu 25 sena, kien arrestat mill-Pulizija.