Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Punt storiku għall-Iżlanda fid-debutt tagħhom fit-Tazza tad-Dinja

Il-mument li fih Aguero skurja għall-Arġentina

ARĠENTINA………………1
IŻLANDA………………….1

Kontra kull mistenni, l-Iżlanda, fid-debutt tagħhom fit-Tazza tad-Dinja kisbu punt storiku hekk kif żammew lill-Arġentina fi draw ta’ 1-1. Huma ma serqu xejn u l-wirja tal-finalisti telliefa tat-Tazza tad-Dinja ta’ erba’ snin ilu ma tantx kienet waħda pożittiva.

Sentejn ilu l-Iżlanda kienu ssorprendew lil kulħadd meta waslu sal-kwarti tal-finali tal-Kampjonat Ewropew fejn kienu anke eliminaw lill-Ingilterra. Huma komplew b’dan ir-ritmu u ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja u proprju fl-ewwel logħba tagħhom f’dan it-turnament ċaħħdu lil Lionel Messi u lil sħabu minn rebħa.

Minn naħa tiegħu Messi naqas milli jwieġeb għall-wirja li kellu r-rivali tiegħu Cristiano Ronaldo, jum qabel meta dan skurja hat-trick kontra Spanja. Messi mhux talli ma sabx ix-xibka imma falla anke penalty fit-tieni taqsima.

Fl-ewwel logħba minn Grupp D kien proprju Messi li kellu l-ewwel okkażjoni war sitt minuti imma l-free kick tiegħu ġie devjat minn difensur.

Minuti wara l-Arġentina kellhom ċans ieħor meta din id-darba kien Tagliafico li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tmur ftit barra. L-aħjar ċans sa dan il-ħin wasal għand l-Iżlanda meta xutt ta’ Bjarnason mar ftit barra mill-lasti ta’ Caballero.

Ta’ dan iċ-ċans l-Iżlanda pattew qares għax fid-19-il minuta l-attakkant ta’ Manchester City Sergio AGUERO, evita difensur u fetaħ l-iskor b’xutt mill-isbaħ li spiċċa fir-rokna tax-xibka.

Kien hawn fejn waslet reazzjoni immedjata tal-Iżlanda li ġabu d-draw fit-23 minuta. Kien FINNBOGASON li approfitta minn konfużjoni fil-kaxxa u spara l-ballun fix-xibka. Fl-aħħar azzjoni qabel tmiem l-ewwel tasqima Sigurdsson kellu xutt salvat minn Caballero.

L-ewwel ċans tat-tieni taqsima wasal għand Otamendi tal-Arġentina li iżda kellu d-daqqa ta’ ras li marret għolja.

Fl-64 minuta l-Arġentina kellhom ċans kbir li jerġgħu jmorru fil-vantaġġ meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Magnusson fuq Aguero imma mill-11-il metru Messi ra x-xutt tiegħu jkun salvat mill-gowlkiper Halldorsson.

Lejn tmiem il-logħba l-Arġentina għamlu minn kollox biex jiksbu t-tliet punti imma l-Iżlanda ddefendew b’qalb kbira biex ħadu punt prezzjuż.