Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

TAZZA TAD-DINJA: Rebħa sofferta għall-Franċiżi

Griezmann fetaħ l-iskor għal Franza minn penalty

FRANZA……………………….2
AWSTRALJA………………..1

Franza, wieħed mit-timijiet favorti għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja bdew b’rebħa ta’ 2-1 kontra l-Awstralja. Il-Franċiżi batew aktar milli kien mistenni kontra l-Awstraljani li rebħet biss żewġ logħbiet mit-13-il konfront fit-Tazza tad-Dinja.

Franza ħarġu aggressivi u wara biss żewġ minuti kellhom l-ewwel ċans permezz ta’ Kylian Mbappe li ra x-xutt tiegħu jkun salvat mill-gowlkiper Mat Ryan. It-tim ta’ Deschamps kompla jattakka u fil-25 minuta Ryan reġa’ salva free kick ta; Pogba.

Kien fis-17-il minuta meta l-Awstralja kellhom l-ewwel ċans tal-partita meta Mooy kellu cross devjat minn Tolisso li kien salvat minn Lloris. Aktar ma beda jgħaddi ħin l-Awstraljani aktar bdew jemmnu li jistgħu jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront u sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor baqa’ 0-0.

Kien fil-55 minuta meta Franza ngħataw penalty grazzi għall-VAR. Dan meta Pogba għadda ballun lejn Griezmann li twaqqa’ minn Josh Risdon fil-kaxxa. Għall-ewwel ir-referee ma ordna l-ebda penalty imma wara li ra l-Video Assistant Referee bidel fehmtu u mill-11-il metru GRIZEMANN skurja biex poġġa lil Franza fil-vantaġġ.

Dan kien l-ewwel penalty fl-istorja li ngħata permezz tal-VAR waqt it-Tazza tad-Dinja.

Franza ftit damu jgawdu dan il-vantaġġ hekk kif erba’ minuti wara l-Awstralja ngħataw penalty meta d-difensur Umtiti mess il-ballun b’idu hekk kkif għola biex jikklirja b’daqqa ta’ ras. Kien JEDINAK li skurja biex għamel l-iskor 1-1.

Hekk kif deher li l-Awstralja kienu se jiksbu punt importanti, 10 minuti mit-tmiem Franza reġgħu marru fil-vantaġġ meta l-midfielder POGBA skurja b’lob mill-isbaħ.

Fatt kurjuż hu li l-formazzjoni li bdew biha l-Franċiżi kienet l-iżgħar waħda tagħhom għall-aħħar 88 sena f’logħba inawgurali tat-Tazza tad-Dinja. Il-medja tat-tim li għażel il-kowċ Didier Deschamps hu dak ta’ 24 sena u sitt xhur.

Nhar il-Ħamis li ġej Franza jmisshom jilagħbu kontra l-Peru filwaqt li wieħed jistenna reazzjoni minn naħa tal-Awstralja meta fl-istess jum dawn jilagħbu kontra d-Danimarka.