Lokali

FILMAT: Jippreżentaw 7 proposti waqt laqgħa urġenti mal-President

Koalizzjoni ta’ għaqdiet favur il-ħajja preżentaw seba’ proposti f’forma ta’ mistoqsijiet lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt laqgħa li ssejħet b’urġenza qabel il-vot ta’ nhar it-Tlieta.

Nhar it-Tlieta se jittieħed vot finali dwar l-emendi għal-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni – proposti li se jdaħħlu l-iffriżar tal-embrijuni. L-għaqdiet li talbu laqgħa b’urġenza kienu l-Gift of Life, il-Life Network Foundation u l-Unborn Child Movement – u fi tmiem il-laqgħa, Dr. Miriam Sciberras f’isem il-koalizzjoni qalet li l-laqgħa kienet waħda kordjali.

“Preżentajna seba’ proposti ta’ damage-limitation li aħna nħossu li kull membru Parlamentari għandu l-ewwel jirrispondi qabel ma jmur jivvota għal din il-liġi nhar it-Tlieta. Aħna nistennew li tal-inqas, anke għad-diċenza u jekk irridu li l-proċess demokratiku jkun ikkunsidrat, li għallinqas, il-mistoqsijiet li qed nippreżentaw, ningħataw tweġiba serja għaliom”, qalet Miriam Sciberras.

Miriam Sciberras għamlitha ċara li l-koalizzjoni la taqbel mal-iffriżar tal-embrijuni u lanqas mad-donazzjoni tal-embrijuni – imma ftit jiem qabel il-vot finali, qed tagħmel dawn il-proposti f’forma ta’ mistoqsijiet f’attentat tal-aħħar.

“S’issa s-sitwazzjoni qed noħduha b’ġurnata; jew siegħa b’siegħa – u ma neskludu xejn. Però nibqgħu bit-tama li dawn il-proposti li se noħorġu llum stess, jiġu kkunsidrati kemm mill-Gvern u jiġu mgħoddija lil kull Membru Parlamentari tal-Kamra biex it-tama tagħna hi li jirriflettu fuq dawn il-mistoqsijiet serji ħafna”, żiedet tgħid.

Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet favur il-ħajja qalu li jinsabu inkwetati li d-diskussjonijiet li pparteċipaw fihom u l-proposti li ssuġġerew s’issa, ma ġewx ikkunsidrati.

L-aħħar stadju qabel il-vot finali tat-Tlieta kien il-Kumitat Parlamentari – fejn l-emendi kollha li tressqu mis-soċjetà Ċivili u mill-Oppożizzjoni ġew injorati mill-Gvern – f’turija ċara tal-għaġla li għandu l-Gvern biex jgħaġġel bl-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni.

“Ma naħsibx li hu ġust – jekk irid li verament id-diskussjoni tkun saret fl-aħjar interess tal-liġi li tirriżulta – li dawn l-affarijiet isiru b’għaġla. Meta jsiru b’għaġla, la se tara l-istudji, ma tara xejn… imma int ikollok oġġettiv li trid tilħqu, u tilħqu. Aħna ma naqblux mal-għaġla għax hija wisq serja din il-liġi”, temmet tgħid Sciberras.

Jekk tgħaddi l-liġi kif irid il-Gvern, mhux magħruf jekk il-President ta’ Malta hux se tkun qed tiffirma l-liġi favur l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni. Għan-nom tal-koalizzjoni, Miriam Sciberras qalet li waqt il-laqgħa din il-mistoqsija ma saritx lill-President, iżda jħallu f’idejha biex teżerċità id-diskrezzjoni tagħha.