Internazzjonali

FILMAT: L-Aquarius jasal Valencia

Daħal fil-port ta’ Valencia fi Spanja l-vapur Aquarius li ma tħalliex jidħol l-Italja bl-immigranti li kien ġabar barra l-kosta Libjana. Il-portijiet Taljani kienu l-eqreb lejn il-post fejn ġew salvati l-immigranti.

Hekk kif daħal Spanja, il-bastiment kien akkumpanjat minn żewġ bastimenti tal-Gwardja tal-Kosta Taljana wkoll b’immigranti abbord li kienu fost il-grupp ta’ aktar minn 600 li ġew salvati.

L-immigranti ġejjin minn 26 pajjiż, fil-maġġoranza mill-Afrika imma hemm ukoll nies mill-Bangladesh u l-Pakistan. Hemm ukoll 123 tifel u tifla mhux akkumpanjati u 11-il tifel u tifla taħt t-13-il sena u seba’ nisa tqal.

Il-vapur kellu jagħmel vjaġġ ta’ 1,500 kilometru peress li kellu jbiddel ir-rotta minħabba l-maltemp li kien hemm fil-Mediterran f’dawn l-aħħar ġranet.

Preżenti f’Valencia kien hemm mal-2,000 persuna biex jilqgħu lill-immigranti. Fosthom mal-1,000 voluntier tas-Salib l-Aħmar kif ukoll mal-470 traduttur. Iżda fil-port ma kien hemm ebda uffiċjal għoli tal-Gvern Spanjol u l-ġurnalisti nżammu ‘l bogħod mill-post fejn żbarkaw l-immigranti.

Il-vapur trakka f’Valencia bħala ġest ta’ rieda tajba mill-Gvern ġdid spanjol wara l-pożizzjoni li adotta l-Gvern ġdid Taljan.

Sadattant fi tmiem il-ġimgħa f’Ruma saret protesta mill-immigranti kontra l-kundizzjoni tal-għixien tagħhom fl-Italja kif ukoll kontra l-politika li adotta l-Gvern ġdid Taljan.