Lokali

NIŻVELAW: Il-Partit Laburista bi bloggers li anqas biss joqogħdu Malta

Jattakka inizjattivi tal-Kunsill Lokali Siġġiewi meta hu qatt ma kien preżenti għalihom

Kurstein Sant, li hu fost l-esponenti tal-Partit Laburista, ftit ilu waqqaf blogg li fih qed jikteb u jipprova jagħti pariri fuq politika viċin in-nies.

Kurstein Sant lanqas biss jgħix Malta. Ilu jgħix lil hinn minn xtutna għall-aħħar snin, imma minn ġo pajjiż ieħor irid jagħti pariri lin-nies dwar kif il-Kunsilli Lokali għandhom ikunu viċin n-nies.

Kurstein Sant, li kien jgħix is-Siġġiewi, qabel inqata’ mil-lokalità biex mar mal-familja jgħix barra, kiteb blogg fi Frar li għadda li fih ikkritika l-attivitajiet ta’ Jum is-Siġġiewi minn dak li ra fuq poster online. Fil-kumment tiegħu, Kurstein Sant jipprova jagħti x’jifhem li għandu xi ideat friski għall-attivitajiet ta’ Jum is-Siġġiewi organizzati mill-Kunsill Lokali tal-lokal, b’maggoranza Nazzjonalista.

Fl-istess waqt jikteb fil-blogg biex iħeġġeġ lin-nies jattendu għall-attivitajiet li kienu organizzati f’Marzu li għadda. Iżda hu lanqas deher imkien għal dawn l-attivitajiet. Minkejja dan, jikkritika lil min qed jaħdem għall-ġid tar-raħal meta hu qiegħed lil hinn f’pajjiż ieħor, maqtugħ għal kollox mis-Siġġiewi u anqas biss jista’ jattendi għall-programm ta’ attivitajiet li qed jikteb dwaru.

Fil-fatt persuni qrib il-Partit Laburista li tkellmu ma’ din l-gazzetta qalu li jinsabu urtati kif il-Partit Laburista qed jinqeda b’nies bħal Kurstein Sant li qed jaċdem ma’ Bertu Pace biex jgħinu lill-Partit Laburista fil-kampanja tiegħu.

Il-pjan hu li Bertu Pace jagħmel il-kampanja aggressiva kontra n-Nazzjonalisti waqt li Kurstein Sant jagħmel kampanja li taparsi tkun moderata. Fil-fatt dan mhu moderat xejn, bil-persuni li tkellmu magħna jgħidulna li l-iskop tal-bloggs tiegħu huma intenzjonati li jaqdu skopijiet partiġjani u orkestrati tal-Labour biex isiru kummenti favur il-Labour fuq il-media soċjali.

Persuni qrib il-Partit Laburista qalulna wkoll li jinsabu diżapuntati kif il-Partit tagħhom qed iqabbad nies li ma jistgħux ikunu kredibbli biex jagħmel kampanja fis-Siġġiewi. Fl-aħħar xhur din l-gazzetta żvelat li Bertu Pace ngħata ħafna arja mill-Partit Laburista biex jippoża bħala l-persuna li għandu ideat validi għas-Siġġiewi.

Laburisti li tkellmu magħna qalu li ma jistgħux jifhmu kif il-Labour jimbotta lil Bertu Pace għall-ideat meta l-istess Bertu Pace hu fiċ-ċentru ta’ kontroversja dwar żvilupp ta’ villa f’art ODZ fis-Siġġiewi.