Lokali Unjoni Ewropea

Casa jappella lill-Kunsill Ewropew għal pożizzjoni dwar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa ingħaqad ma’ 3,471 NGOS u 89 konfederazzjoni ta’ trade unions, biex iħeġġeġ lill-Kunsill dwar l-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur jadotta pożizzjoni dwar il-proposta għal Direttiva dwar il-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol għall-ġenituri u l-carers.

Il-vuċi ta’ Casa tingħaqad ukoll mal-vuċi ta’ Presidenti u Viċi Presidenti ta’ tliet gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, shadow rapporteurs ta’ ħames gruppi politiċi u Presidenti u Viċi Presidenti ta’ tliet Intergruppi u Koalizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-Presidenti ta’ żewġ gruppi fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

L-MEP David Casa, li qiegħed imexxi dan il-fajl importanti f’isem il-Parlament Ewropew, qal fil-Parlament Ewropew ilhom jaħdmu ħafna fuq din id-direttiva biex jiżguraw il-bilanċ ġust bejn il-ħtiġijiet tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ min iħaddem.

David Casa qal li jinsabu kunfidenti li fil-ġimgħat li ġejjin, nistgħu nieħdu l-frott ta’ dan ix-xogħol. Issa, wasal iż-żmien għall-Istati Membri biex jieħdu pożizzjoni u jadottaw il-pożizzjoni tagħhom dwar din id-Direttiva, li se twassal għal qabża kbira ‘l quddiem fl-estensjoni tad-drittijiet għall-ġenituri u l-carers, temm jgħid.