Lokali

“In-nies mhux se jinqdew bil-ħatriet li se jagħmel il-Gvern fil-Qorti” – il-PN

L-inkjesti dwar il-korruzzjoni u l-qtil ta' Caruana Galizia se jispiċċaw f'bir tas-skieken

“In-nies se jibqgħu xorta waħda ma jinqdewx bil-ħatriet li se jsiru mill-Gvern fil-Qorti, u se jibqgħu idumu sabiex issir ġustizzja fi żmien raġjonevoli. Dan filwaqt li mhux se jiġi indirizzat l-ammont tax-xogħol tal-maġistrati, u għalhekk l-inkjesti fosthom dawk relatati mal-każijiet ta’ korruzzjoni u l-każi tal-qtil ta’ Caruana Galizia, jaqgħu lura”.

Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Il-Gvern se jkun qed jaħtar tliet maġistrati u se jaħtar tlett avukati biex iservu ta’ maġistrati. Dan ifisser li l-pożizzjoni tal-imħallfin se titjieb għax se jizdiedu tlieta, iżda xorta jifdal żewġ postijiet vakanti għal full complimentfilwaqt li s-sitwazzjoni tal-maġistrati se tibqa kif inhi, meta m’hemmx limitu kemm jista’ jkun hemm maġistrati.

Il-Partit Nazzjonalista nnota li sal-lum baqgħet ma ġietx indizzata b’serjetà l-irwol tal-maġistrati sabiex jiġu mifruda l-maġistrati inkwerenti u l-maġistrati li jisimgħu u jiddeċiedu l-kawżi sabiex il-proċess jitħaffef. Dan kollu jfisser li hemm bżonn aktar ħatriet kemm fost l-imħallfin kif ukoll fost il-maġistrati biex il-proċess li bih issir ġustizzja jitħaffef. Dan ifisser li b’aktar ħatriet, l-inkjesti maġisterjali dwar il-korruzzjoni jista’ jkollhom maġistrati dedikati għalihom u għalhekk il-ġustizzja sseħħ u sseħħ malajr.

Skont emenda li kien daħħal il-Gvern Laburista fl-2014, in-numru tal-imħallfin kellu jkun ta’ mhux aktar minn 24 u l-Prim Imħallef, iżda llum hemm 19-il imħallef u l-Prim Imħallef. Filwaqt li n-numru tal-imħallfin huwa limitat bil-liġi, n-numru tal-maġistrati mhux limitat u fil-preżent hawn 22 maġistrat. Dan filwaqt li x-xogħol tal-maġistrati huwa varju u apparti l-kawżi għandhom ukoll inkjesti, li jwassal għad-dewmien fis-smigħ tal-kawżi u l-qtugħ tagħhom, peress li l-maġistrati jinsabu impenjati wkoll fl-inkjesti, żied jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Dwar dan mhux qed ikun hemm progress u f’Malta għandna l-inqas numru ta’ imħallfin fl-Ewropa kollha per capita, bil-Partit Nazzjonalista jżid li l-Ewropa wkoll uriet il-preokkupazzjoni għas-sitwazzjoni fin-numru tal-imħallfin u l-maġistrati li hawn f’Malta. Dan għaliex għandna l-inqas rata ta’ ġudikanti pparagunat mal-kumplament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk in-nies qed jispiċċaw jistennew is-snin sakemm issir ġustizzja.

Il-PN temm jgħid li l-istatistika qed turi li qed jidħlu anqas kawżi minn qabel u dan jindika li mhux bilfors li qed ikun hemm aktar sentenzi milli jidħlu. Il-Ministru Owen Bonnici wkoll ammetta li fl-appelli hemm dewmien esaġerat sabiex jiġu appuntati l-kawżi. Jekk verament il-Ministru Owen Bonnici jrid li l-appelli jinqatgħu iżjed malajr, għandu jara li jkun hemmfull complimentfl-imħallfin u mhux intenzjoni fjakka u bla ħeġġa għal dan is-settur.