Internazzjonali

Żjara minn Kim Jong-un fiċ-Ċina wara s-summit ma’ Trump

 

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fyq, Kim Jong-un, jinsab għaddej bi żjara ta’ jumejn fiċ-Ċina fejn, fost oħrajn, kellu laqgħat mal-Mexxej Ċiniż Xi Jinping, fil-kapitali Beijing.

Il-media fiċ-Ċina ma dettaljatx id-diskors bejn Kim u Xi Jinping, b’din il-laqgħa importanti ssir wara s-summit storiku ta’ jiem ilu, f’Singapore, bejn l-istess Kim u l-President tal-Istati Uniti Donald Trump.

Intant, kien mistenni li Kim u Xi Jinping kellhom jitrattaw is-sanzjonijiet fuq il-Korea ta’ Fuq flimkien mal-impenn ġenerali tal-Mexxej Korean komunista, waqt is-summit ta’ Singapore, biex ‘jagħmel il-parti tiegħu’ għad-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana.

Iċ-Ċina, bħala l-unika alleata ekonomika tal-Korea ta’ Fuq, diġà suġġeriet li jistgħu jonqsu s-sanzjonijiet imposti fuq ir-reġim fi Pyongyang min-naħa tal-komunità internazzjonali.

Sadanittant żvilupp ieħor importanti kienet il-konferma, min-naħa tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel, li huma sospendew l-ippjanar għall-eżerċizzji militari konġunti li kien imiss u li kienu ilhom isiru ż-żmien bħala parti minn programm bejn iż-żewġ pajjiżi.

Is-sospensjoni tal-eżerċizzji militari – li kellhom isiru f’Awwissu — segwiet wiegħda partikulari u speċifika kien għamel il-President Trump matul is-summit ta’ Singapore.

Il-Korea komunista kienet ilha tinsisti għat-tmiem tal-war games li kienu qed jorganizzaw flimkien l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel. Din kienet anki x-xewqa taċ-Ċina, iżda kemm il-Korea t’Isfel u anki l-Ġappun ( l-alleat l-ieħor tal-Istati Uniti fl-Asja) qalu li l-eżerċizzji kienu importanti ferm għas-sigurtà.