Ambjent Lokali

Appell imqanqal għall-ħarsien tal-ambjent

L-għada li nqalgħu s-siġar minn Ħal Balzan

L-awtoritajiet għandhom jagħmlu l-konsultazzjonijiet meħtieġa mal-awtoritajiet kollha konċernati lokali f’dak li għandu x’jaqsam maż-żbir u relokazzjoni tas-siġar. Dan intqal fi stqarrija mill-Hub Nazzjonali tar-riċerka Etnobotanika.

Il-hub, li hu magħmul minn numru ta’ esperti fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, qal li hu inkwetat bin-nuqqas ta’ ħsieb li qed ikun hemm dwar is-siġar fl-isfond tal-impatt enormi tal-iżvilupp.

L-istess grupp hu konċernat bit-tħawwil mill-ġdid tal-istess siġar u meta fil-proċess ta’ dan, jinaqtlu. Il-grupp jisħaq li l-awtoritajiet jaraw alternattivi li jħarsu s-siġar li jkunu ilhom iħaddru t-toroq għal għexieren tas-snin. Huma qalu li dan kollu se jħalli impatt fuq in-nies li jużaw it-toroq u anki r-residenti tal-madwar.

Komplew billi qalu li f’Malta hemm bżonn li jkun hawn aktar natura, aktar ġonna f’nofs il-bini urban, u li l-pjanijiet isiru fit-tul u mhux biss fuq bażi ta’ mil-lum għal għada. Il-Hub għalaq billi qal li Malta għandha l-potenzjal li tkun ġnien fil-Mediterran, iżda bin-nuqqas li qed isir fl-iżvilupp, dan qed isir impossibli.

Din l-istqarrija ħarġet fil-jum li ż-żewġ siġar li nqalgħu minn Triq il-Wied f’Ħal Balzan ġew rilokati fi pjazza oħra fl-istess lokal, u ħadu post żewġ siġar li intqal li kienu mejta.