Internazzjonali

Jintefa’ l-Internet fl-Alġerija minħabba l-eżamijiet

Sa kważi l-aħħar tax-xahar mhux se jkun hemm aċċess għall-Facebook fl-Alġerija u l-Internet qed jintefa’ għal siegħa. Dan bħala prekawzjoni biex ikun evtiat l-ingann waqt l-eżamijiet li qed isiru bħalissa. Eżamijiet li jin-temmu fil-25 ta’ Ġunju.

Dan il-pass ittieħed wara li fis-snin li għaddew sar magħruf li ħafna studenti poġġew il-mistoqsijiet fuq l-Internet qabel u matul l-eżamijiet. Is-sena li għaddiet, il-kumpaniji li jipprovdu s-servizz tal-Internet intalbu jagħmlu dan b’mod volontarju. Imma rriżulta li dan ma kienx biżżejjed. Nouria Benghabrit, il-Ministru tal-Edukazzjoni, qal li għall-perjodu kollu tal-eżamijiet, is-servizz tal-Facebook se jkun imblukkat. Huwa żied li filwaqt li ma tantx kien komdu b’dan il-pass, xi ħaġa riedet issir.

Apparti minhekk, it-tagħmir elettroniku kollu b’aċċess għall-Internet, kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema u l-impjegati, mhux qed ikun permess fil-postijiet fejn isiru l-eżamijiet. Fl-Alġerija bħalissa, l-eżamijiet qed isiru f’madwar 2,000 sala u fid-dħul tagħhom tpoġġew il-metal detectors.

Dan apparti fl-istamperija fejn kienu stampati l-karti tal-eżamijiet tpoġġew cameras tas-sigurtà u mobile phone jammers. Dan jgħodd għall-madwar 700,000 student li qed jagħmlu l-eżamijiet hekk kif itemmu l-iskola u jibdew ilestu għall-università.