Knisja Lokali

AĠĠORNATA: Monsinjur Joe Galea Curmi maħtur Isqof Awżiljarju ġdid ta’ Malta

L-Ordinazzjoni Episkopali għall-4 ta' Awwissu

Il-Vigarju Ġenerali Monsinjur Joe Galea Curmi inħatar Isqof Awżiljarju tad-Djoċesi ta’ Malta.

Il-ħatra tħabbret min-Nunzju Appostoliku għal Malta Monsinjur Alessandro D’Errico, f’isem is-Santa Sede, f’konferenza tal-aħbarijiet li nżammet fir-Residenza tal-Arċisqof fl-Imdina. Hemm sar magħruf ukoll li l-Ordinazzjoni Episkopali se ssir fl-4 ta’ Awwissu li ġej.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll l-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna, l-Arċisqof Emeritus Monsinjur Pawlu Cremona, Uffiċjali tan-Nunzjatura, għadd ġmielu ta’ Saċerdoti u qraba ta’ Monsinjur Galea Curmi.

In-Nunzju Appostoliku spjega lill-media li l-ħatra waslet wara talba tal-Arċisqof Scicluna, li kienet approvata mill-Papa Franġisku. Dan wara li l-Kap tal-Knisja Kattolika rrikonoxxa l-ħidma li teħtieġ id-Djoċesi f’Malta, kif ukoll il-ħidma regolari tal-Arċisqof barra minn xtutna.

F’dan is-sens, u f’isem il-Papa Franġisku, Monsinjur D’Errico faħħar sehem Monsinjur Scicluna fil-missjoni li qed iwettaq fiċ-Ċili, fejn ftit tal-jiem ilu għadu kif mar biex ikompli jinvestiga l-akkużi ta’ abbużi sesswali minn membri tal-kleru f’dak il-pajjiż.

In-Nunzju Appostoliku qal li, f’isem is-Santa Sede, qed jafda l-ħidma tal-Monsinjuri Charles Scicluna u Joe Galea Curmi f’idejn San Ġwann il-Battista, lejliet il-Festa tat-twelid tiegħu.

Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof ta’ Malta esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-Papa Franġisku, li laqa’ t-talba tiegħu għall-ħatra ta’ Isqof Awżiljarju, filwaqt li awgura lil Monsinjur Galea Curmi għal aktar ħidma qrib tiegħu, bħalma kien qed jagħmel s’issa.

Monsinjur Scicluna fakkar kif l-Isqof Awżiljarju l-ġdid kien ta’ għajnuna u fidil ukoll fil-ħidma tiegħu mal-Monsinjuri Ġużeppi Mercieca u Pawlu Cremona meta kienu fit-tmexxija tal-Knisja f’Malta.

Quddiem il-Ġurnalisti u dawk preżenti, hu ppreżenta lil Monsinjur Galea Curmi l-Kallotta u s-Salib Pettorali bħala sinjal ta’ rispett li l-Knisja Maltija qed turi fih.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, l-Isqof Awżiljarju l-ġdid esprima r-ringrazzjament tiegħu lill-Papa Franġisku, lin-Nunzju Appostoliku u lill-Arċisqof Scicluna għall-fiduċja li esprimew fih. Sostna li jħares b’rispett lejn Monsinjur Scicluna bħala r-Ragħaj Spiritwali ta’ pajjiżna.

Hu appella biex matul il-ħidma tiegħu jkun ta’ ispirazzjoni għall-Insara Maltin biex nagħrfu ngħożżu l-ħajja u nsostnuha b’ħafna imħabba.

Min hu Monsinjur Joe Galea Curmi?
Imwieled f’Birkirkara fl-1 ta’ Jannar 1964, bin Paul u Josette née Mifsud Bonnici, Monsinjur Galea Curmi rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Stella Maris f’Ħal Balzan, fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat u fis-Sixth Form tal-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara.

Fl-1982, hu daħal fis-Seminarju tal-Arċisqof u ġie ordnat Saċerdot mill-Arċisqof Monsinjur Ġużeppi Mercieca fil-5 ta’ Lulju 1991 wara li rċieva l-formazzjoni meħtieġa u Liċenzjat fit-Teoloġija Sagra fl-Università ta’ Malta.

Mons Galea Curmi kompla l-istudji tiegħu fil-Pontificia Universita Lateranense ta’ Ruma u fl-1998 kiseb Dottorat fit-Teoloġija Pastorali. Wara l-istudji f’Ruma, hu nħatar Assistent Segretarju Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u Lecturer fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta, fejn għadu jgħallem sal-lum.

Bejn l-1999 u l-2003, serva bħala Kordinatur tas-Sinodu Djoċesan, filwaqt li fl-2005 inħatar membru tal-Bord tal-Istitut Djoċesan ta’ Formazzjoni Pastorali u fl-2008 nħatar Assistent Ekkleżjastiku tal-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice (Malta), fejn għadu jservi sal-lum.

Fl-2015, l-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna ħatar lil Monsinjur Joe Galea Curmi bħala Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi u Kanonku tal-Kapitlu tal-Katidral. B’din il-ħatra, kien innominat ukoll bħala l-Isqof Titulari ta’ Cebarades, fit-Tuneżija. Hu jwettaq ħidma pastorali fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan.