Internazzjonali Lokali

Tkompli l-polemika bejn Malta u l-Italja dwar il-vapur Lifeline

240 immigrant salvati mill-ibħra Libjani abbord bastiment li mhux ċar fejn se jsalpa

L-awtoritajiet Taljani talbu uffiċjalment lil Malta biex tħalli l-bastiment Lifeline jidħol fil-port Malti peress li qed jintqal li dan hu f’ibħra Maltin.

Abbord il-Lifeline hemm mal-240 immigrant li ġew salvati barra l-kosta Libjana f’ħidma koordinata mill-Gwardja tal-Kosta Libjana.

Matteo Salvini, il-Viċi Prim Ministru Taljan u Ministru tal-Intern, għamilha ċara li dan il-vapur ma kienx se jitħalla jidħol l-Italja u jekk jagħmel dan kien se jiġi sekwestrat u l-ekwipaġġ arrestat. Dan peress li hu qed isostni li mhux minnu li l-vapur reġistrat l-Olanda.

Fuq twitter, Salvini qal li għas-sigurtà tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri, Malta għandha tiftaħ il-portijiet tagħha għal dawn l-immigranti.

Messaġġ simili ngħata mill-Ministru tal-Infrastruttura u Trasport Taljan Danilo Toninelli. Il-Ministru tat-Trasport Taljan żied li bħala ċittadin Taljan, Ministru u ċittadin Ewropew kien ikun maħsud jekk Malta ma turix wiċċ uman u tilqa’ fil-port tagħha l-vapur Lifeline. Dan għaliex sostna li Malta hi l-eqreb port.

“Malta għandha raġun” – Il-Kap tal-PN Adrian Delia dwar il-kwistjoni tal-bastiment Lifeline

Fost dawk li rribattew kien hemm il-Ministru tal-Intern Malti Michael Farrugia li fi tweet fakkar li l-immigranti ġew salvati f’żona ta’ Search and Rescue bejn il-Libja u Lampedusa. Żied ifakkar li l-operazzjoni kienet kordinata mill-Italja u mhux minn Malta u li l-bastiment Lifeline kiser il-liġijiet internazzjonali meta spiċċa jitlajja f’ibħra internazzjonali b’riskju ta’ sitwazzjoni delikata.

Sadanittant, uffiċjail abbord il-Lifeline qalu li huma kienu f’ibħra bejn Malta u l-Libja u li s-sitwazzjoni abbord il-vapur kienet tajba u taħt kontroll imma qed jittamaw f’soluzzjoni dalwaqt.

Dwar sitwazzjoni simili bil-bastiment Aquarius, il-Partit Nazzjonalista kien qal, anke permezz tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li l-interess nazzjonali għandu jiġi l-ewwel meta hemm liġijiet u obbligi internazzjonali li għandhom ikunu rispettati.

Sadattant barra l-port ta’ Pozzallo fi Sqallija hemm vapur tal-merkanzija Daniż b’aktar minn 100 immigvrant abbord. Jidher li dan ma ngħatax il-permess biex jidħol fil-port imma ngħata ikel u xorb għal dawk abbord.

Issa l-Ħadd se jkun qed isir summit fil-Belġju tal-pajjiżi l-aktar effettwati mill-kriżi tal-immigrazzjoni u x’jista’ jsir beix jinstab tarfa. Summit li l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel wissiet li ma kienx mistenni li minnha joħorġu soluzzjonijiet definitivi.