Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Ir-Reġina Eliżabetta tapprova l-liġi tal-Brexit

Ir-Reġina Eliżabetta tar-Renju Unit tat il-konferma rjali għal-leġislazzjoni ewlenija tal-Prim Ministru Theresa May għall-Brexit. Il-konferma tar-Reġina, b’hekk, temmet xhur ta’ dibattitu dwar il-leġislazzjoni li għandha tikkonkludi, formalment, l-isħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea.

L-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati ( House of Commons), John Bercow, qal, waqt sessjoni fl-assemblea ta’ Londra, li l-abbozz għall-ħruġ tal-pajjiż mill-Unjoni – li kien għadda, il-ġimgħa l-oħra, miż-żewġt ikmamar tal-Parlament – issa ġie ffirmat bħala liġi mir-Reġina.

L-abbozz – magħruf bħala l-EU Withdrawal Bill – issa għandu status bħala Att tal-Parlament; b’din il-leġislazzjoni tippermetti biex elementi tal-liġi tal-UE jibdew jiffurmaw parti mil-liġi tar-Renju Unit ħalli l-proċess tal-Brexit jitmexxa bla intoppi.

Madankollu, l-abbozz għall-Brexit kien anki suġġett għal dibattitu aħrax waqt il-proċess biex jgħaddi mill-Parlament u fejn spikkaw tentattivi biex jinbidillu l-kliem.

F’dan il-proċess, il-Gvern ta’ Theresa May sofra sensiela ta’ disfatti fil-House of Lords ta’ Londra, iżda l-Ministri, imbagħad, aċċertaw mill-ftehim neċessarju biex il-leġislazzjoni tgħaddi, jiem ilu, mill-House of Commons.