Lokali Parlament

196 massage parlour f’Malta fl-2016…m’hemmx bżonn liċenzja biex joperaw

Minn informazzjoni mogħtija fil-parlament mill-Ministru Chirs Cardona jirriżulta li fl-2016 f’Malta u Għawdex kien hawn joperaw 196 massage parlour u li minn Diċembru 2016 ‘il quddiem m’għadx hemm bżonn li dawn ikollhom liċenzja biex jaħdmu.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari, il-Ministru Chris Cardona qal li l-ogħla konċentrazzjoni ta’ massage parlours huma f’San Ġiljan u f’Tas-Sliema fejn hemm 61 parlour.

Fil-Mosta u f’Birkirkara hemm 33 u 27 parlour rispettivament waqt li fin-Naxxar hemm 14, f’Raħal Ġdid hemm 12, f’San Ġwann hemm 10, fir-Rabat hemm 7, f’Ħal Tarxien hemm 4 waqt li fil-Belt hemm 3. F’Għawdex hemm 25 massage parlour. L-ammont ta’ 196 parlour reġistrat fl-2016 hu żieda fuq l-188 parlour li kien hawn fl-2015.

Edwin Vassallo staqsa wkoll lill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali jgħid fir-rigward ta’ massage parlours, x’qed isir mill-Gvern permezz tal-pulizija biex ikun regolat dan is-settur u fil-każ li permezz ta’ dawn il-massage parlours, il-pajjiż mhux qed iservi bħala mezz li jippromwovu t-traffikar tal-bniedem; biex dawn is-siti kummerċjali ma jispiċċawx bħala burdell u biex ir-residenti tat-toroq fejn hemm dawn is-siti kummerċjali li joffru servizz ta’ massage parlour ma jispiċċawx iffastidjati kemm minn dawk li qed joffru s-servizz kif ukoll minn dawk li jkunu qed ifittxu li jieħdu s-servizz minn dawn is-siti.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li li l-Pulizija ma kellhiex rapporti li jindikaw li dawn is-siti qed jintużaw bħala burdell jew li r-residenti tat-toroq fejn hemm massage parlours ġew iffastidjati kemm minn dawk li qed joffru s-servizz kif ukoll minn dawk li jfittxu li jieħdu s-servizz minn għandhom. Il-pulizija qed tagħmel u se tkompli tagħmel ir-rondi fl-inħawi ta’ dawn is-siti, sostna l-Ministru Farrugia.