Internazzjonali

Irid li n-NU timblokka l-bejgħ taż-żejt Libjan

L-industrija taż-żejt Libjan – l-uniku sors ta’ dħul għall-pajjiż – jinsab fil-kaos wara li l-Gvern ta’ għaqda nazzjonali ibbażat fi Tripli talab lin-Nazzjonijiet Uniti biex timblokka l-bejgħ mill-impjanti ewlenin Libjani.

L-impjanti ewlenin taż-żejt fil-Lvant tal-pajjiż – ta’ Ras Lanuf u Es Sider – il-ġimgħa li għaddiet spiċċaw f’idejn il-forzi taħt il-kmand ta’ Khalifa Haftar, u dan ta l-kontroll tagħhom lill-Gvern li jappoġġja fil-Lvant tal-Libja.

Dan minflok in-National Oil Corporation (NOC) li għandu l-għarfien tan-Nazzjonijiet Uniti. Haftar ħa l-kontroll tagħhom wara li dawn kienu ttieħdu minn grupp militanti wara għaxart ijiem ta’ ġlied u li ħalla mat-300 persuna mejtin.

It-talba tal-Gvern ta’ Tripli mistennija tkun waħda diffiċli, fejn ix-xerrejja taż-żejt Libjan se jkollhom jidentifikaw min huma l-bejjiegħa l-leġittmi taż-żejt Libjan.

Is-sitwazzjoni se tikkomplika wkoll l-isforzi internazzjonali li qed isiru biex fil-Libja ssir elezzjoni kif ukoll biex jiġi kkontrollat it-tluq tal-immigranti illegali mill-kosta Libjana.

Minkejja t-taqlib kollu fil-Libja, in-NOC immexxi minn Mustafa Sanalla, irnexxielu fil-parti l-kbira jibqa’ ’l hinn mit-taqlib politiku li hemm fil-pajjiż u gradwalment irnexxielu jġib il-produzzjoni taż-żejt għal kważi miljun barmil kull jum. Sors importanti taż-żejt għall-gvern ibbażat fi Tripli.

Il-mexxejja mil-Lvant u l-Punent tal-Libja kienu ltaqgħu f’Pariġi biex jaqblu li jkun hemm elezzjoni f’Diċembru. Imma wara dawn l-aħħar żviluppi, Sanalla qal li Haftar kien ta dahru lill-ftehim li sar f’Pariġi u t-triq għall-paċi.