Ambjent Lokali

L-industrija tal-kostruzzjoni qed terġa’ taffaċċa problemi fl-ispazju allokat għar-rimi tal-iskart

L-industrija tal-kostruzzjoni qed terġa’ taffaċċa problemi fl-ispazju allokat għar-rimi tal-iskart li jinħoloq mill-bini. Dan għaliex il-Gvern m’għandux pjan ambjentali fit-tul li jkun sostenibbli u bil-ħarsien sħiħ tal-ambjent. Fi żmien sena din il-problema tar-rimi tal-iskart u t-terrapin mill-kostruzzjoni reġgħet tfaċċat wara li l-iskart kien qed jintrema’ f’żewġ barrieri fiż-Żurrieq u l-Mqabba, wara li siti oħra kienu mtlew ukoll. Dan in-nuqqas ta’ pjan fit-tul mill-Gvern qed iwassal għal problemi fl-industrija, minħabba li l-kuntratturi m’għandhomx aktar post fejn jarmu l-iskart tal-bini.

Fi stqarrija l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent Jason Azzopardi qal li meta l-Gvern qed jibbaża fuq is-settur tal-kostruzzjoni bħala fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, kellu jaħseb ukoll fl-oqsma kollha inkluż ir-rimi tal-iskart li din l-industrija tiġġenera kif ukoll il-ħarsien ambjentali. Issa jidher biċ-ċar li l-Gvern ma ppjanax fit-tul u lanqas m’għandu alternattivi x’se jiġri għar-rimi tat-terrapin. It-terrapin li qed jintrema’ mhux materjal skavat iżda huwa materjal mit-twaqqigħ tal-bini u allura mhux tajjeb sabiex jitpoġġa fil-baħar għar-reklamazzjoni tal-art. Dan hekk qed ikun irrappurtat fil-midja li l-Gvern jaf juża dan il-materjal għar-reklamazzjoni tal-art.

Gvernijiet Nazzjonalisti kienu daħlu fi Twinning Project mal-Ġermanja fuq dan it-terrapin. Dan il-ftehim kien wassal għal numru ta’ soluzzjonijiet biex jonqos u jiġi riċiklat l-iskart tal-kostruzzjoni. Kien ġie propost ukoll il-bini ta’ faċilità nazzjonali minfejn il-materjal jintgħażel u jerġa’ jinbiegħ. Filwaqt li l-Gvern Laburista qed jibbaża fuq is-settur tal-kostruzzjoni għall-ekonomija, jidher ċar li dan il-proġett għall-bini ta’ din il-faċilità twarrab.

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera huwa reponsabbli għal dan in-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern, għaliex kien jaf li din il-problema ta’ spazju kienet se terġa’ titfaċċa minħabba li s-siti u l-barrieri l-oħra kienu mtlew. Minflok ħareġ bi pjan sostenibbli għas-snin li ġejjin, matul dan iż-żmien il-Gvern m’għamel xejn u għal din il-problema se jerġgħu jbatu n-nies.