Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-Belġju tirbaħ Grupp Ġ b’gowl mill-isbaħ ta’ Januzaj

Il-plejers Belġjani jiċċelebraw mal-partitarji tagħhom (Ritratt: EPA)

Gowl fil-bidu tat-tieni taqsima kien biżżejjed biex il-Belġju tegħleb lill-Ingilterra 1-0 biex b’hekk it-tim ta’ Martinez spiċċa l-ewwel fi Grupp H u se jilgħab kontra l-Ġappun. L-Ingilterra tilgħab fl-aħħar 16 kontra l-Kolombja. Bit-tnejn jafu li diġà kwalifikati, iż-żewġ naħat kienu konxji mill-fatt li rebħa għalihom kienet tfisser li jirbħu l-grupp iżda forsi jkollhom avversarji itqal fil-fażi tan-knock-out.

Il-kowċ Ingliż Gareth Southgate għamel tmien bidliet mit-tim li għeleb il-Panama, b’Marcus Rashford jgħin fl-attakk immexxi minn Jamie Vardy, filwaqt li Trent Alexander-Arnold għamel id-debutt. Roberto Martinez għamel disa’ bidliet, b’Michy Batshuayi jmexxi l-attakk filwaqt li Thorgan Hazard u Nacer Chadli lagħbu mal-ġnub.

L-ewwel azzjoni denja nħolqot mit-tim Ingliż fl-14-il minuta bi kross ta’ Alexander-Arnold mil-lemin isib lil Jamie Vardy fil-kaxxa, iżda d-daqqa ta’ ras tal-attakkant għaddiet barra. Ċans għal Belġju fit-28 minuta b’Marouane Fellaini jkollu xutt salvat fuq il-linja.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marcus Rashford prova b’xutt li għadda barra biex il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal fil-50 minuta. ADNAN JANUZAJ daħal fil-kaxxa u b’azzjoni personali għeleb lil Jordan Pickford b’xutt mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa.

L-Ingilterra qrib li ġġib id-draw fis-66 minuta meta Marcus Rashford ġie waħdu ma’ Courtois iżda x-xutt tiegħu kien imdawwar f’korner. L-istess plejer reġa’ prova fil-81 minuta bi free-kick li għadda fuq il-mimduda. L-Ingliżi marru viċin id-draw fit-82 minuta meta minn azzjoni ta’ korner, ix-xutt fil-baxx ta’ Welbeck kien blokkat fil-ħin minn Marouane Fellaini.

Din kienet l-ewwel darba fi 15-il dehra fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja li l-Ingilterra naqset li ma taqlax gowl fil-fażi tal-gruppi. Fuq in-naħa l-oħra, il-Belġju rebħet it-tliet logħbiet fil-grupp għat-tieni edizzjoni konsekuttiva. Is-sostituzzjoni ta’ Danny Welbeck fissret li l-Ingilterra użat l-20 plejer fit-Tazza tad-Dinja, bl-uniċi tnejn li sa issa ma lagħbux huma l-gowlkipers ta’ riserva.