Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Franza fil-kwarti tal-finali b’rimonta fit-tieni taqsima

(Ritratt: EPA)

Rimonta tajba minn Franza poġġiet lit-tim ta’ Didier Deschamps fil-kwarti tal-finali, b’rebħa ta’ 4-3 fuq l-Arġentina. Franza fetħet l-iskor fit-13-il minuta meta ngħatat penalty għal fawl ta’ Marcos Rojo fuq Kylian Mbappe. Mill-11-il metru Antoine Griezmann għeleb lil Franco Armani. L-Arġentina ġabet id-draw fit-42 minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa ta’ Angel di Maria li ma tax ċans lil Hugo Lloris.

It-tim ta’ Samapoli mar fil-vantaġġ fit-48 minuta meta xutt fil-baxx ta’ Lionel Messi ġie mxellef minn Gabriel Mercado. Reazzjoni immedjata minn Franza li għaxar minuti wara ġabet id-draw, bi kross ta’ Blase Matuidi lejn Benjamin Pavard li spara fir-rokna tax-xibka b’xutt mill-isbaħ.

Franza marret minn fuq fil-65 minuta b’azzjoni personali ta’ Kylian Mbappe li għadda qalb id-difensuri Arġentini u għeleb lil Franco Armani b’xutt fil-baxx. L-iskor dar 4-2 erba’ minuti wara meta f’kontrattakk veloċi, Giroud kompla lejn Kylian Mbappe li fuq il-ġirja għeleb lil Armani.

L-Arġentina naqset id-distakk fit-92 minuta b’daqqa ta’ ras tas-sostitut Sergio Aguero u fl-aħħar attakk pruvat issalva l-logħba iżda l-konklużjoni ta’ di Maria għaddiet barra.