Ambjent Lokali

Jaġixxi biss meta tfaqqa’ kriżi

Barriera ġewwa s-Siġġiewi, li tinsab f’żona speċjali ta’ konservazzjoni u li qiegħda fi stat ta’ abbandun, b’mod immedjat minn nhar it-Tnejn li ġej, se tibda tilqa’ materjal nadif li ġej mill-industrija tal-kostruzzjoni.

Dan wara diskussjonijiet li saru f’dawn l-aħħar ġranet bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), l-Awtorità tal-Ippjanar (il-PA), WasteServ Malta Ltd.,  kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-Malta Developers Association (MDA).

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li fl-aħħar jiem inħolqot sitwazzjoni ta’ kriżi fejn diversi barrieri bdew jirrifjutaw iktar skart ta’ kostruzzjoni hekk kif dawn bdew jimtlew. Il-Gvern kien ilu jaf li pajjiżna kien qed joqrob għal din is-sitwazzjoni iżda ħa azzjoni biss meta faqqet il-kriżi.
Filfatt, fl-aħħar jiem, klijenti li kellhom bżonn li jarmu skart ta’ kostruzzjoni spiċċaw iħalsu iżjed għal dan is-servizz waqt li daħlu diversi rapporti ġodda ta’ skart ta’ kostruzzjoni b’mod illegali fl-ambjent.

Fuq din il-barriera hemm diġà ordni ta’ infurzar maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar f’April tal-2017, u l-ERA imponiet dawk il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex is-sit ikun immaniġġjat skont ir-regoli applikabbli u jiġi aċċertat l-inqas impatt fuq l-ambjent. Sabiex tissostanzja dan, se tkun ukoll qed tinħareġ ordni ta’ konservazzjoni. Se tkun il-kumpanija WasteServ Malta Ltd. li se tkun qiegħda tilqa’, timmaniġġja u topera dan il-proċess.

 Intant, l-ERA, f’dan l-istadju qiegħda tipproċessa permessi għal tmien barrieri privati oħra sabiex ikunu jistgħu jilqgħu radam u materjal ta’ kostruzzjoni ieħor—ma’ dan il-Malta Developers Association esprimiet qbil.