Lokali

Bidla għal NET FM biex ikun kontemporanju kif jitolbu ż-żminijiet – Pierre Portelli

Wara 26 sena ta’ xandir kontinwu, Radio 101 se jingħata libsa ġdida bħala NET FM, f’eżerċizzju ta’ re-branding, biex isir stazzjon tar-radju li jżomm l-esperjenza ta’ 26 sena iżda jiġġedded biex isir iżjed modern u kontemporanju kif jitolbu ż-żminijiet.

Ħabbar dan iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Media.Link Communications Pierre Portelli – l-ewwel f’intervista mal-gazzetta il-mument u aktar tard, f’intervista fuq Radio 101 – li minn għada jibda jxandar bħala NET FM.

Min-naħa tiegħu, f’kumment waqt l-intervista tal-Ħadd filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li t-tiġdid tal-istazzjon tar-radju tal-Partit kienet wegħda li għamel fil-kampanja għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit u li issa qed issir realtà.

Fi studios imlibbsa bid-dehra l-ġdida ta’ NET FM, Pierre Portelli qal li Radio 101 kien katalista tal-pluraliżmu fix-xandir wara li Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami fetaħ beraħ l-opportunitajiet ta’ liċenzji għal xandir bir-radju u t-televiżjoni.

Iżda fl-aħħar snin, l-istazzjon beda jitlef l-appoġġ tiegħu u għalhekk, it-tmexxija ta’ Media.Link Communications għażlet li tibda dan il-proċess ta’ tiġdid bi ħsieb, ibbażat fuq l-istatistika u mhux fuq l-emozzjoni.

Dwar l-għażla tal-isem il-ġdid, iċ-Chairman Eżekuttiv Pierre Portelli qal li l-għażla waqgħet fuq NET FM wara li kien studjat il-mod kif kellu jkun ikkonsolidat il-branding tan-NET. Spjega li anke min jirreklama kien qed jibki lill-kumpanija għat-tibdil u għalhekk, dan it-tibdil kien meħtieġ ħafna.

Minbarra f’rebranding biex tkun aġġornata d-dehra tal-istazzjon, Pierre Portelli spjega l-eżerċizzju biex NET FM ikun popolari wkoll ma’ dawk li għandhom bejn tletin u ħamsin sena. Qal li din hi faxxa li Radio 101 kien tilef matul is-snin, bl-iskop issa hu li dan it-tibdil jerġa’ jressaq lil dawn in-nies lejn il-frekwenza 101 fuq l-FM.

Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Media.Link Communications fisser li din il-bidla saret issa għax ma riedx li tintilef bl-attenzjoni li mistennija tingħata lit-tibdil f’NET Television minn Ottubru li ġej. Hu rringrazzja lil dawk kollha li fl-aħħar xhur ħadmu biex dan l-eżerċizzju seta’ jidħol fis-seħħ.

Sellem ukoll lit-tmexxija tal-Awtorità tax-Xandir, li tat il-pariri u għenuh biex kollox seta’ jsir skont il-proċedura.