Lokali

Diskriminazzjoni ma’ familja ta’ erba’ persuni għax Nazzjonalista

Familja ta’ erba’ persuni, fosthom żewġt itfal żgħar, qed tkun imċaħħda milli tingħata post tal-Gvern għas-sempliċi raġuni li hi familja Nazzjonalista.

F’nofs din il-ġimgħa din il-koppja tkellmet fit-tul ma’ il-mument u wriet id-diżappunt tagħha li qed tkun imċaħħda minn post tal-Gvern bl-iskuża li ma għandhomx postijiet x’jallokaw.

Imbagħad, kompliet din il-koppja, saret taf b’persuni oħrajn li għandhom il-każ tagħhom mhux akut daqs tagħhom li ngħataw post tal-Gvern għas-sempliċi raġuni li fl-Elezzjoni għenu lill-Ministru li qabeż għalihom.

Din il-familja kompliet li kienet ilha tissuspetta li qed tkun diskriminata abbażi tal-kulur politiku, iżda issa kkonfermat dan is-suspett wara li saret taf li l-applikazzjoni tagħha qed tkun rifjutata għaliex hi familja Nazzjonalista.

Il-missier kompla jgħidilna li meta pprova jagħmel kuntatt ma’ membru fil-Kabinett tal-Ministri, dan litteralment bagħtlu messaġġ li ma hux se jgħinu tant li qallu li anqas biss se jħabbatlu l-bieb tad-dar tiegħu biex jiltaqa miegħu.

Il-missier kompla juri d-diżapprovazzjoni tiegħu għal dan l-atteġġjament ta’ nies fil-Gvern li jipprovaw jixtru l-voti ta’ persuni li ma għandhomx il-fehma tal-Partit Laburista, iżda dawk li mhux lesti li jbiegħu l-prinċipji tagħhom, allura jibqgħu jaqilgħu fuq rashom.

“Jgħidulna kull darba li ma għandhomx postijiet tal-Gvern xi jqassmu, imbagħad insiru nafu b’persuni li applikaw warajna u li għandhom il-każ tagħhom ferm inqas serju minn tagħna li spiċċaw ingħataw post għas-sempliċi raġuni li jgħinu lil Ministru partikulari fl-Elezzjoni.

“Dawn huma affarijiet tal-mistħija. Jagħżlu lil min jipprovdu post tal-Gvern mhux skont il-mertu tal-każ, iżda skont il-kulur politiku ta’ dak li jkun. Xbajna niġru imma għaliex aħna Nazzjonalisti magħrufa, allura jwarrbula l-każ tagħna.”

Hawnhekk intervjeniet l-omm li qalet li fis-sitwazzjoni li qed jgħaddu minnha bħalissa qed isibu ħafna diffikultajiet. “Żewġt itfal żgħar. Bla saqaf fiss fuq rasna. Il-ħajja għalina hi tassew diffiċli ħafna. Ikollna nħallsu l-kera u mbagħad irridu ngħaddu bli jibqa’ mill-paga.”

Din il-familja temmet tappella lill-awtoritajiet biex ma tibqax tiddiskrimina kontra familji bħalha għaliex mhux sew li każijiet ġenwini jingħataw il-ġenb għaliex ikunu familji Nazzjonalisti, imbagħad ikun hemm każijiet li ma humiex urġenti – u forsi ta’ konvenjenza biss – li għaliex warajhom ikun hemm persuni Laburisti, allura dawn jingħataw post tal-Gvern.