Lokali

“Soċjetà li jimpurtaha bi pjan fit-tul għall-ġid tan-nies u t-tkabbir tal-ekonomija” – il-Kap tal-PN Adrian Delia

‘Il-bank Pilatus qatt ma kellu jingħata liċenzja biex jaħdem f’Malta. Issa li saret it-talba għar-revoka tal-liċenzja qed nistennew li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Edward Scicluna jerfgħu r-responsabbilità politika.’ Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq Radio 101.

Dr Delia qal li t-talba tal-MFSA għar-revoka tal-liċenzja tal-bank Pilatus waslet xhur tard. In-nies kienu ilhom dawn ix-xhur kollha jistennew li l-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet li kellu jieħu sabiex iħares ir-reputazzjoni tajba tas-settur tas-servizzi finanzjarji u l-impjiegi tal-ħaddiema f’dan is-settur. Minflok il-Gvern għażel li jagħmel ix-xhur ikaxkar saqajh biex jieħu ddeċiżjonijiet li kellu jieħu żmien ilu.

Adrian Delia tkellem fuq l-immigrazzjoni u qal li Joseph Muscat ma rnexxilux jikkonvinċi lill-Prim Ministri l-oħra biex il-qsim tal-piż tal-immigrazzjoni jkun mandatorju madwar l-Unjoni Ewropea.

Huwa qal ukoll li l-Gvern għandu jkun ċar mal-poplu, u jgħid x’inhi l- politika dwar l-immigrazzjoni, għaliex wara s-summit Ewropew, il-Gvern ma kisibx riżultat u l-piż tal-immigrazzjoni mhux jitqies bħala wieħed tal-Ewropa kollha. Il-midja spiċċat biex iddeskriviet dan is-summit bħala ‘xott’ u ‘li mhu se jwassal imkien’. Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tixpruna lil Gvern fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, u sakemm l-interess nazzjonali jiġi mħares se jibqa’ jkun hawn qbil nazzjonali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern m’għandux pjan għall-immigrazzjoni, għax m’għandux studju serju fuq l-impatt tal-ħaddiema barranin fuq setturi importanti bħalma huma x-xogħol, l-akkomodazzjoni, l-infrastruttura u l-ambjent. Dan meta l-Gvern se jibqa’ jġib 10,000 ħaddiem barrani kull sena li qed iħallu impatt fuq l-akkomodazzjoni u l-pagi.

Dr Delia qal li dan in-nuqqas ta’ pjan għall-ħaddiema barranin min-naħa tal-Gvern tant huwa evidenti li hawn 550 infermieri inqas milli għandna bżonn, u li kieku hawn pjan fit-tul dawn il-postijiet setgħu jimtlew bl-infermieri barranin. Kif ġie rappurtat fil-midja indipendenti, għal dan in-nuqqas ta’ pjan qed ibatu l-pazjenti għax mhux qed isiru 15-il operazzjoni fil-ġimgħa minħabba li m’hawnx infermieri bizzejjed.

Adrian Delia qal li meta l-Gvern qed jibbaża fuq is-settur tal-kostruzzjoni bħala fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, lanqas għal dan is-settur m’għandu pjan. Meta kien ilu jaf sena li ż-żewġ barrieri fiż-Żurrieq u l-Mqabba kienu se jimtlew, għamel dan iż-żmien kollu jkaxkar saqajh u b’detriment għas-settur tal-kostruzzjoni. Issa li dawn il-barrieri imtlew f’paniku sab barriera fis-Siġġiewi flok fassal pjan fit-tul sabiex is-settur ma jaffaċċax diffikultajiet u flistess ħin jiġi mħares l-ambjent.

Dr Delia qal li dan il-Gvern bla pjan minflok irid iwaqqaf id-deċentralizzazzjoni tal-poter u jreġġa’ l-arloġġ lura għaż-żmien meta l-Ministru jiddeċiedi waħdu x’għandu jsir. Huwa tkellem fuq il-ħolqien ta’ Infrastruttura Malta u kif din l-aġenzija tal-Gvern se tibda tiddeċiedi hi liema f’liema toroq għandha ssir il-manutenzjoni. Dan meta qabel kienu jkunu l-Kunsilli Lokali li jiddeċiedu bil-kunsillieri eletti demokratikament jieħdu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-lokalità li jirrappreżentaw. Adrian Delia qal li din il-politika ta’ ċentralizzazzjoni tagħti lok għall-abbuż.