Lokali

FILMAT: Persuna tittieħed għall-kura wara li ajruplan privat tniżżel b’emerġenza f’għalqa

Tal-anqas persuna waħda l-isptar

Persuna ttieħdet l-isptar minħabba xi grif, iżda ġiet rilaxxata ftit tal-ħin wara u raġel ieħor ħelisha ħafif wara inċident li seħħ ftit qabel id-9.15.

Dan hekk kif l-ajruplan privat tat-tip micro light li kienu qed itajru spiċċa f’għalqa qrib il-mitjar l-antik f’Ħal Luqa.

Abbord kien hemm biss dawn iż-żewġ persuni, Richard Bezzina u Disma Gauci mill-island Micro Light Club,  meta l-ajruplan kellu jitniżżel f’din l-għalqa minħabba ħsara fil-magna.

Hekk kif indunaw li l-ajruplan ma kellux saħħa biżżejjed biex jasal sal-ajruport, għażlu li jitniżżel fl-ewwel u l-iktar post sigur possibbli biex b’hekk evitaw inċident ferm ikbar.

Immedjatament fil-post intbagħtu żewġ ambulanzi b’tim mediku li ta l-ewwel għajnuna liż-żewġ persuni li kienu abbord, kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu.

Din kienet l-ewwel titjira tal-ġurnata għal dawn iż-żewġ irġiel, li għandhom snin ta’ esperjenza f’dan l-isport u li fortunatament kienu mħarrġa sew għal eventwalitajiet simili.