Basketball Sport

It-tim nazzjonali jirbaħ il-Kampjonat Ewropew tal-FIBA għall-Pajjiżi ż-Żgħar

It-tim Malti wara li rċieva t-trofew

It-tim nazzjonali Malti tal-Basketball rebaħ il-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-FIBA għall-Pajjiżi ż-Żgħar b’rebħa ta’ 75-59 kontra n-Norveġja. Għat-tim Malti spikka Samuel Deguara awtur ta’ 24 punt u Tevin Falzon li għamel 16-il punt.

Bidu tajjeb mit-tim Malti li rebaħ l-ewwel perjodu 22-8, liema vantaġġ żammewh sal-ħin tal-mistrieħ, b’Malta tidħol 35-21 minn fuq. It-tim ta’ Andrea Paccarie għamel kważi ċert mir-rebħa fit-tielet perjodu meta kabbar id-distakk għal 19-il punt biex fl-aħħar għaxar minuti l-plejers Maltin amministraw il-logħba sat-tmiem.

B’hekk it-tim Malti għalaq it-tournament b’erba’ rebħiet minn erba’ logħbiet wara li għelbu lill-Andorra u l-Irlanda fi Grupp A, lil Ġibiltà fis-semifinali u lin-Norveġja fil-finali.