Lokali

Jammontaw għal aktar minn tliet kilogrammi resina tal-ħaxixa

L-aħbar żvelata minn In-Nazzjon aktar kmieni din il-ġimgħa dwar kif ħmistax-il blokka droga – resina tal-kannabis – ‘sparixxew’ mill-Qorti bl-Imħallef Antonio Mizzi jkun kostrett jipposponi l-Ġuri li kellu jibda fil-jiem li għaddew,  ħasdet lill-Ministru tal-Ġustizzja, lill-Qorti, lill-Pulizija u anki lill-Forensika minkejja kull tentattiv li għamlu biex tali inċident daqstant serju jinżamm mistur.

Illum il-mument kompla jiżvela fatti oħrajn ferm importanti f’dan il-każ, fosthom kif il-ħmistax-il blokka li ‘sparixxew’ jammontaw għal aktar minn tlett kilogrammi ta’ droga tat-tip resina tal-ħaxixa.

Nistgħu niżvelaw ukoll kif dawn il-blokok ta’ droga kellhom il-forma ta’ sapuna u oriġinarjament meta kienu nqabdu f’Għawdex, kienu moħbija f’batterija kbira ta’ trakk u kollox kien imgeżwer f’ippakkjar apposta.

Fl-atti fil-Qorti meta l-Imħallef Antonio Mizzi sejjaħ lill-Prosekuzzjoni u lid-Difiża biex kollox ikun imħejji għall-Ġuri, instabet kemm il-makna tat-trakk kif ukoll il-wrapping li kien jiksi kollox. Imma d-droga ma kenitx hemmhekk!

Darba l-Imħallef Antonio Mizzi talab spjegazzjoni anki mingħand l-Espert Forensiku Mario Mifsud – l-Espert tal-Farmaċija – dan ikkonfermalu b’insistenza li iva hu kien għamel it-testijiet fuq dawn il-ħmistax-il blokka resina tal-ħaxixa.

Quddiem sitwazzjoni mhux spjegata fejn setgħu marru dawn il-ħmistax-il blokka droga – inċident mill-aktar serju u inkwetanti – dwar il-każ skattat Inkjesta mill-Maġistrat li qed titmexxa mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Kemm-il Prosekuzzjoni kif ukoll id-Difiża qed jittamaw li grazzi għal din l-Inkjesta bil-Maġistrat jintefa’ dawl fejn setgħu tpoġġew – biex għalissa ma jintużax il-verb “insterqu” – dawn il-blokki bid-droga.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalulna li fil-passat kien hemm okkażjonijiet oħra meta xogħol mill-Forensika dwar analiżi ta’ droga ma twassalx komplut u kif mistenni għand il-Qorti.

Din id-droga li ‘sparixxiet’ tirrigwarda qabda ta’ droga li kienet saret erbatax-il sena ilu meta kienet saret sejba ta’ 25 blokka resina tal-ħaxixa li ħmistax-il blokka minnhom kienet instabet f’Għawdex, filwaqt li l-kumplament kienu nstabu f’Malta.

Lil hinn mill-Imħallef Antonio Mizzi, il-partijiet l-oħrajn involuti f’dan il-Ġuri huma Nadia Attard u Ann Marie Cutajar f’isem l-Avukat Ġenerali u Arthur Azzoprdi, Franco Debono u Marion Camilleri li qed jidhru għall-akkużat Joseph Rizzo.