Lokali

Żewġ persuni arrestati wara qabda kbira ta’ droga – sekwestrata 84 kilogramma ħaxixa

Żewġ persuni mistennija jitressqu b’arrest quddiem il-Qorti fis-sigħat li ġejjin wara li nqabdu fil-fatt fil-pussess ta’ 84 kilogramma ta’ dik li hi suspettata bħala ħaxixa tal-kannabis.

L-arresti saru s-Sibt waranofsinhar wara jiem ta’ osservazzjoni u investigazzjoni mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.

Id-droga nstabet f’vann li kien qed jinstaq f’Santa Venera u li ġie interċettat mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-kollegi tagħhom mir-Rapid Intervention Unit. Fil-vann instabet xi għamara, bil-ħwejjeġ fiha u bid-droga mkebba qalb dawn il-ħwejjeġ.

Iż-żewġ persuni qed jinżammu arrestati, hekk fil-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadom għaddejjin. L-akkużati, it-tnejn Maltin, huma suspettati li kienu qed imexxu ċirku ta’ traffikar tad-droga u mhux eskluż li jkunu akkużati kemm bl-importazzjoni kif ukoll bit-traffikar tad-droga fost oħrajn.

Inħatret ukoll inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri. Hu qed ikun mgħejun minn numru ta’ esperti.