Sport Sport Ieħor

Froome liberu li jieħu sehem fit-Tour de France

Chris Froome (Ritratt: EPA)

L-erba’ darbiet rebbieħ tat-Tour de France Chris Froome ma nstabx ħati li għamel xi ħaġa ħażina fil-każ li nfetaħ dwar sustanza illeċita marbuta ma’ droga tal-ażma.

Il-każ kien ilu għaddej minn Settembru tas-sena l-oħra, meta Froome kien instab li għandu ammont aktar milli permess ta’ salbutamol fis-sistema tiegħu meta rritorna minn kampjun waqt La Vuelta ta’ Spanja.

Iċ-ċiklist ta’ Team Sky dejjem saħaq l-innoċenza tiegħu. Fi stqarrija, l-Għaqda Internazzjonali taċ-Ċikliżmu kkonfermat li ngħalqu l-proċeduri fil-konfront ta’ Froome.

Din id-deċiżjoni waslet qabel il-bidu tat-Tour de France li jibda s-Sibt li ġej, u għalhekk Froome hu liberu li jieħu sehem u jittanta li jirbaħ it-Tour għal ħames darbiet. Froome qal li hu ħa biss id-doża permessibbli u kawża ta’ din id-deċiżjoni, hu se jżomm it-titlu mirbuħ ta’ La Vuelta tal-2017.

Hu l-ewwel ċiklist Britanniku li rebaħ l-akbar Tour Spanjol u l-ewwel wieħed minn żmien Bernard Hinault fl-1978 li rebaħ kemm La Vuelta kif ukoll it-Tour de France fl-istess sena.