Internazzjonali

Għadab dwar iż-żwieġ ta’ tifla ta’ 11-il sena ma’ raġel mill-Malasja

Hemm għadab fil-Malasja wara li sar magħruf li tifla ta’ 11-il sena kellha tiżżewweġ raġel ta’ 41 sena.
It-tifla ta’ ġenituri Tajlandiżi taw il-kunsens għaż-żwieġ bil-patt li din tkompli tgħix magħhom sakemm tagħlaq 16-il sena.
Ir-raġel Malasjan diġà hu miżżewweġ darbtejn oħra u għandu sitt itfal tal-età bejn il-ħames snin u t-18-il sena. Iż-żwieġ seħħ fit-Tajlandja imma l-ġenituri jgħixu fl-Istat Malasjan ta’ Kelantan.
Filwaqt li skont il-liġi Malasjana l-età legali għal żwieġ hu ta’ 18-il sena, il-qrati Iżlamiċi tas-Sharia jistgħu japprovaw żwieġ Musulman għal dawk li jkollhom anqas minn 16-il sena. Mingħajr permess minn qorti reliġjuża, iż-żwieġ ikun illegali u r-raġel ikun qed jissogra sitt xhur ħabs.
Attivisti favur id-drittijiet tat-tfal qalu li hemm madwar 16,000 tifla Malasjana taħt l-età ta’ 15-il sena li huma miżżewġin.