Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-Brażil mal-aħħar tmienja b’żewġ gowls fit-tieni taqsima

Neymar jiftaħ l-iskor (Ritratt: EPA)

Il-Brażil sar il-ħames nazzjon li kkwalifika għall-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja b’rebħa ta’ 2-0 fuq il-Messiku. B’din ir-rebħa l-Brażil baqgħet mhux megħluba kontra l-Messiku f’din il-kompetizzjoni filwaqt li l-Messiku qatt ma skorjat fil-ħames konfronti kontra l-Brażil.

Il-Brażiljani kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor, b’Neymar imur viċin li jiftaħ l-iskor fil-25 minuta b’azzjoni personali iżda Guillermo Ochoa salva tajjeb it-tentattiv. Kien fil-51 minuta li l-Brażil marret fil-vantaġġ bi kross fil-baxx mix-xellug ta’ Willian isib lil Neymar li kompla għal ġewwa.

Ċans tajjeb għat-tim ta’ Tite fid-59 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ Paulinho li kien salvat tajjeb minn Ochoa, filwaqt li żewġ minuti wara, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Carlos Vela ġie mdawwar f’korner mill-gowlkiper Brażiljan.

Il-Brażil għalqet il-logħba fid-89 minuta meta xutt ta’ Neymar kien salvat parzjalment minn sieq Ochoa, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni tas-sostitut Roberto Firmino li skorja mill-viċin.