Ambjent Edukazzjoni Lokali

RITRATTI: Skejjel jingħataw rikonoxximent tal-ħidma tagħhom favur l-ambjent

Il-programm LEAF ikompli jirrikonoxxi lil tfal li jaħdmu favur l-ambjent

Numru sabiħ ta’ studenti minn skejjel differenti madwar Malta u Għawdex ġew premjati għall-ħidma tagħhom fl-ambjent wara li pparteċipaw fil-programm LEAF. F’ċerimonja li saret fl-iskola ta’ St Michael’s, ġew premjati l-iskejjel li ħadmu id f’id biex l-istudenti jitgħallmu jikkontribwixxu fit-tisbiħ tal-lokalità.

Tkellimna mal-istudenti li rebħu dawn il-premji fejn uħud minnhom spjegaw x’kienet il-ħidma tagħhom f’dawn ix-xhur. Uħud minnhom spjegawlna l-impatt li l-ambjent iħalli fejn fost l-oħrajn jipproduċi arja nadifa u anke jtaffi l-ħsejjes tat-traffiku u tal-madwar.

NET News tkellem ma’ Johann Gatt, il-koordinatur nazzjonali ta’ LEAF fejn spjegalna l-iskop wara dan il-programm fejn spjega l-erba’ aspirazzjonijiet ta’ dan il-programm – dak li jipproteġu l-ambjent li hawn fil-preżent, li jingħata rispett lejn is-siġar jikbru fejn jikbru, li jsiru għażliet responsabbli biex inaqqsu l-effetti negattivi fuq l-afforestazzjoni, u li jitkabbru u jitħawllu aktar siġar f’Malta.

Fost id-diversi skejjel li kkompetew, l-iskola primarja San Nikola ta’ Ħad-Dingli rebħu l-premju tal-aktar proġett innovattiv. B’kollox, ġew imħawla ftit inqas minn 600 siġra b’90% minnhom huma siġar indiġeni, dan minbarra l-iskema ta’ tħaddir li saru bi sħab ma’ l-HSBC Water Programme.